L-Indipendenza li akkwista pajjiżna ħamsin sena ilu ma tistax tkun biss avveniment tal-passat imma avveniment li mmarka u kiteb il-futur għal pajjiżna.
L-Indipendenza ta’ pajjiżna hi l-indipendenza ta’ kull individwu u għalhekk kull wieħed u waħda minnha jrid ikompli jaħdem għaliha ta’ kuljum biex l-Indipendenza tibqa’ ħajja matul ħajjitna.
Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt riċeviment għall-ħdax u t-tnax-il distrett li sar f’Ħal Balzan – riċeviment minn sensiela li qed isiru għal kull distrett u li se jwasslu għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalsita bejn id-19 u d-19 ta’ Settembru.
Simon Busuttil kompla li hu kburi li jmexxi partit li ħadem sakemm kiseb dan l-avveniment storiku u wiegħed li l-partit se jibqa’ jaħdem sakemm kull individwu jakkwista indipendenza individwali, ekonomika u intellettwali.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil enfasizza li pajjiżna ma jkunx totalment ħieles sakemm kull individwu jkollu l-opportunita’ li jaħdem u jaqla’ l-għajxien tiegħu ta’ kuljum mingħajr il-bżonn li jddependi fuq il-politiċi.
Matul is-serata, li għaliha kienu preżenti wkoll numru ta’ deputati, uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll l-eks Prim Ministru u kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami, ingħataw ukoll tifkiriet lil eks deputati miż-żewġ distretti li minn ħamsin sena ‘l hawn servew lil pajjiżna f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Is-serata ġiet fi tmiemha bil-kxif ta’ plakka kommemorattiva ta’ din iċ-ċelebrazzjoni tal-Indipendenza fir-raħal ta’ Ħal Balzan.
//= $special ?>