Lokali

Mass Meeting li jfakkar il-50 sena ta’ Malta Indipendenti.

Il-Mass Meeting tal-Indipendenza ta’ din is-sena, li se jsir Fuq il-Fosos tal-Floriana, nhar id-19 ta’ Settembru se jkun mass meeting storiku. Mass meeting li jfakkar il-50 sena ta’ Malta Indipendenti.

Fis-sebgħinijiet il-Partit Nazzjonalista (PN) kien jorganizza l-attivitajiet tal-Indipendenza fil-Belt Valletta, b’dimostrazzjoni u meeting li kienu indirizzati mill-Kap tal-PN ta’ dak iż-żmien George Borg Olivier u li kienu jispiċċaw fil-mira ta’ vjolenza politika kontra l-attivisti nazzjonalisti.

Fit-tmeninijiet il-PN beda jiċċelebra l-festi tal-Indipendenza fil-Floriana, propju fl-Arena tal-Indipendenza magħrufa bħala x-Xagħra tal-Floriana u aktar tard fi Pjazza San Publju (il-Fosos).

Huma propju ż-żewg żoni marbuta ma’ attivitajiet tal-mases, bix-Xagħra tal-Floriana tkun il-post li fih 50 sena ilu saret iċ-ċerimonja tal-inżul tal-bandiera Ingliża u t-tlugħ ta’ dik Maltija.

Fil-fosos tal-Floriana, il-Mass Meeting hu l-qofol tal-attivitajiet politiċi. Kienu fil-fatt il-Kapijiet tal-PN u Prim Ministri Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi li indirizzaw il-mass meetings tal-Indipendnza Fuq il-Fosos.

Ma’ dawn il-mexxejja tal-PN, nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Settembru jindirizza l-mass meeting il-Kap attwali tal-PN Simon Busuttil, fl-okkazjoni tal-50 anniversarju mill-Indipendenza ta’ Malta.

Tul is-snin, mill-Belt, sal-Arena tal-Indipendenza u sa Fuq il-Fosos tal-Floriana l-festi tal-Indipendenza bidlu ħafna l-mod kif ikunu organizzati iżda minkejja dan it-tibdil żammew il-messaġġ politiku tal-Kap tal-PN.

Għall-mexxejja politiċi tal-PN, il-mass meeting tal-Indipendenza hu appuntament li fih il-Partit jibgħat messaġġ dwar il-ħidma li se jkun qed jagħmel fix-xhur li ġejjin.

Il-Mass Meeting tal-Indipendenza dejjem ikun ukoll viċin il-ftuħ tal-parlament wara l-vaganzi tas-sajf u għalhekk dejjem iservi bħala pjattaforma biex il-PN jelenka l-prijoritajiet tiegħu quddiem il-ħidma parlamentari.

Il-meeting tad-19 ta’ Settembru li ġej se jsir f’mument importanti għall-PN. Mument li fih il-PN qed iwettaq riformi importanti fl-istrutturi interni tiegħu biex isir iktar partit viċin in-nies u biex jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-elettorat li tant appoġġja lill-PN fi żminijiet ta’ sfidi propju fl-Arena tal-Indipendenza u Fuq il-Fosos tal-Floriana.