Oscar Pistorius mhux ħati tal-qtil premeditat tas-sieħba tieghu Reeva Steenkamp. Dan kien il-verdett tal-Imħallef Thokozile Masipa, hekk kif il-proċess ġudizjarju fi Pretoria fil-konfront tal-atleta mill-Afrika ta’ Isfel qed joqrob lejn tmiemu wara li ilu għaddej għal dawn l-aħħar sitt xhur.
L-Imhallef Mazipa qalet li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova li Pistorius qatel lil Steenkamp b’mod premeditat wara argument bejniethom f’Jum San Valentinu 2013. L-Imħallef qalet ukoll li ma setax ikun jaf min kien hemm wara l-bieb tal-kamra tal-banju meta spara t-tiri li qatlu lis-sieħba tiegħu. Kompliet tgħid li filwaqt li kien evażiv u vag meta ta x-xhieda tiegħu, dan ma jfissirx li Pistorius hu ħati.
Pistorius deher emozzjonat ħafna u kien hemm mumenti fejn anke deher jibki, hekk kif l-Imħallef bdiet taqra mill-ġdid ix-xhieda dwar dik il-lejla. Il-qari tal-verdett kien sospiż illum waranofsinhar u mistenni jasal fi tmiem il-ġimgħa.
Filwaqt li Pistorius ma nstabx ħati tal-aktar akkuża serja, li kienet tfisser għomor il-ħabs, xorta waħda jista’ jeħel bejn seba’ u 15-il sena ħabs jekk l-Imħallef issibu ħati li bi traskuraġni kkawża l-mewt ta’ Steenkamp.
Dan jidher li se probabbli, hekk kif qabel issospendiet is-seduta, l-Imħallef Mazipa qalet li l-Qorti hi tal-fehma li Pistorius aġixxa b’mod negliġenti. Akkużi oħrajn huma żewġ inċidenti li fihom spara arma tan-nar u pussess ta’ munizzjon li m’għandux liċenzja għalihom.
//= $special ?>