Edukazzjoni Lokali

Ministri tal-Gvern ta’ Muscat jikkontradixxu lil xulxin

Il-Gvern Laburista mhux talli ma kellu l-ebda roadmap, talli issa spiċċa b’żewġ Ministri jikkontradixxu lil xulxin dwar deċiżjoni li suppost it-tnejn kienu mdaħħlin fiha u jridu jwettquha flimkien. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, li fiha fakkar kif filwaqt li t-Tlieta l-Ministru Michael Farrugia ħabbar li meta t-tfal ifallu mqar ġurnata waħda skola, għandhom jippreżentaw ċertifikat mediku, il-Ministru Evarist Bartolo, mistoqsi mill-ġurnalisti dwar deċiżjoni li wieħed jifhem li kien parti minnha u jrid jimplimentaha, ikkontradixxa lill-Ministru l-ieħor u qal li tfal li jfallu mill-iskola ġurnata jew jumejn m’għandhomx bżonn jippreżentaw ċertifikat.

Il-PN qal li hu ċar li fil-Gvern ta’ Muscat, l-id il-leminija ma tafx x’qed tagħmel l-id ix-xellugija. Barra minn dawn il-kontradizzjonijiet, id-deċiżjonijiet fil-Gvern ta’ Muscat qed jittieħdu bla konsultazzjoni u bla ħsieb sewwa, tant li d-deċiżjoni tal-Ministru Farrugia qalgħet kritika kemm mill-MUT kif ukoll minn ġenituri li esprimew id-diżappunt tagħhom li Farrugia ‘ħabbar’ dak li kienet ilha li ħabbret Marie Louise Coleiro Preca. Dan kollu qed iseħħ ġimgħa qabel ma tibda l-iskola u bil-Ministri stess jikkontradixxu lil xulxin.

Jidher li r-roadmap li suppost kellu l-Gvern ta’ Muscat ma kinitx teżisti, b’Ministru jgħid mod u Ministru ieħor jgħid mod ieħor, temmet tgħid l-istqarrija.