Qorti

Protest minn koppja fuq flus li għandhom jieħdu mingħand il-kumpanija Maltese Cross

Il-koppja Anton u Joanna Calleja ippreżentat protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpanija Maltese Cross, li toffri servizzi finanzjarji fejn qed tgħid għandha tieħu l-flus lura li kienet investit. Il-protest sar wara li l-koppja kienet infurmta li l-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA issospendiet l-operazzjonijiet tal-kumpanija finanzjarja b’effett immedjat ix-xahar li għadda.

 
Kien fil-11 ta’ Awwissu li għadda li l-MFSA ordnat tali sospensjoni u dan kien ifisser li għalissa ma tistax tkompli bl-obligazzjonijiet tagħha fuq talbiet li jsiru minn investiture għal raġunijiet li huma relatati ma’ ċirkostanzi finanzjarji.

 
Bħala konsegwenza għal dan, l-iskema ta’ kumpens għall-investitur kienet meħtieġa biex tipprovdi għal ħlas ta’ kumpens dan b’rispett tat-talbiet li saru u dan minħabba l-inabilita’ tal-kumpanija Maltese Cross li issa ma tistax tħallas lura flus lill-investituri b’konnessjoni ma’ negozju liċenzjat.

 
Wara d-deċiżjoni tal-MFSA, numru ta’ investituri marru ‘l quddiem biex jagħmlu l-ilmenti tagħhom fuq il-kumpanija. Il-koppja qalu li huma kitbu lid-Direttur al-kumpanija ftit wara, li l-MFSA ħarġet l-ordni, u li dan seħħ biex jiġu kumpensati fuq fondi mitlufin. L-ittra uffiċjali kienet iffirmara mill-Avukat Richard Sladden.