Futbol Sport

Ribery mhux se jirritorna mat-tim Franċiż

Il-winger ta’ Bayern Munich Franck Ribery qal li mhux lest jilgħab mat-tim nazzjonali Franċiż, anke jekk dan jista’ jkun ikkastigat mill-UEFA. Fi tmiem il-ġimgħa l-President tal-UEFA Platini kien qal li Ribery jista’ jkun ikkastigat jekk jirrifjuta li jilgħab mat-tim nazzjonali, anke jekk dan kien ħabbar li irtira minn man-nazzjonal. Il-plejer ta’ Bayern Munich tilef it-Tazza tad-Dinja meta sofra injury ftit jiem qabel ma bdiet u wara li intemmet l-edizzjoni fil-Brażil kien ħabbar li se jirtira minn man-nazzjonal.

 
“Ma nistax nifhem id-deċiżjoni ta’ Ribery. Irrid infakkar li plejer m’għandux dritt li jagħżel jekk jilgħabx jew le mat-tim nazzjonali. Dik hi deċiżjoni tal-kowċ nazzjonali u jekk il-kowċ nazzjonali jgħajjatlek biex tilgħab u int tirrifjuta tkun penalizzat. Din ir-regola tinsab fl-istatut tal-FIFA. Jekk Deschamps isejjaħ lil Ribery u dan ma jmurx għat-taħriġ ikun sospiż tliet partiti minn ma’ Bayern Munich,” kien qal Platini.

 
Ribery irrisponda għall-kummenti ta’ Platini billi qal, “Jien diġa’ għidt li se niffoka biss fuq il-klabb tiegħi. Dwar dan kollu diġa’ tkellimt mal-kowċ Didier Deschamps u ilħaqna qbil. Ma rridx nidħol f’kontroversja dwar dak kollu li qed jintqal fuqi u dwar il-pieni li nista’ neħel.”