Diversi Maltin bħalissa qed jirċievu email mingħand nies li x’aktarx jafuhom u li fiha jgħidulhom li nqabdu f’Limassol, Ċipru, u li għandhom bżonn l-għajnuna. Madankollu, din l-email mhi xejn għajr scam, jiġifieri frodi. Il-messaġġ fl-email li qed tintbagħat bl-Ingliż ikompli li waqt li qiegħed f’Ċipru għal ġimgħa, kif kien fil-venda ta’ tal-linja tilef il-basket li fih kellu jew kellha affarijiet prezzjużi, fosthom flus u mobile.
F’din l-iscam, li jiġri hu li dawk li qed imexxu dan il-frodi, ‘jiħħekjaw’ l-email ta’ miljuni ta’ persuni u jużaw l-indirizz tal-email tagħhom biex jibgħatu l-messaġġ qarrieqi lil ħbieb tagħhom stess. F’każ li wieħed jaqa’ fin-nasba u jwieġeb għall-email, il-frodisti li int tkun mingħalik li huma l-ħabib tiegħek, jitolbuk il-flus. Fl-aħħar sigħat irriżulta li l-frodisti għandhom id-dettalji ta’ madwar ħames miljun account ta’ GMail. Fi stqarrija, GMail ħeġġet lill-users biex jidħlu fl-account u jibdlu l-password.
Sadanittant, is-sit elettroniku isleaked.com, li nħolqot mir-Russu Egor Buslanov it-Tnejn li għadda, qed issostni li jekk tikteb l-email address ta’ GMail ikollok konferma jekk l-account tiegħek ġiex ‘iħħekjat’ jew le. Madankollu, rapporti fuq il-media internazzjonali qed joħolqu dubji kbar jekk dan is-sit elettroniku hux verament jgħin lill-users ta’ GMail jew inkella jkompli jgħaddi aktar indirizzi elettroniċi lill-frodisti.
//= $special ?>