Lokali

Tlettax-il sena mit-traġedja tat-Twin Towers

Għaddew tlettax-il sena mit-traġedja tal-11 ta’ Settembru 2001 – traġedja li ħalliet il-marka tagħha fl-istorja tad-dinja, b’kważi 3000 ruħ jitilfu ħajjithom fl-ispazju ta’ ftit siegħat.

Kien permezz ta’ żewġ ajruplani tat-tip Boeing 747 li terroristi mill-grupp Al-Qaeda, ftit qabel id-9am, ħin ta’ New York, ikkawżaw ħsara irreparabli fiż-żewġ skyscrapers tal-World Trade Centre. Fl-istess jum, ajruplan ieħor twaqqa’ fuq il-bini tal-Pentagon u ieħor kraxja fi triqtu lejn il-kapitali Amerikana, Washington D.C. Għaddew is-snin, imma l-pjagi ta’ dan il-jum jibqgħu jinħassu.

It-traġedja f’New York wasslet biex l-Istati Uniti, immexxija mill-President George W. Bush, iddikjarat gwerra dinjija kontra t-terroriżmu, bil-wegħda li teqred għal kollox il-grupp militanti Islamiku Al-Qaeda, l-istess grupp li ftit tal-ġimghat ilu ħabbar li se jestendi t-terroriżmu fil-kontinent Asjatiku, fuq l-eżempju tal-grupp militanti tal-Istat Izlamiku, li qed jaħqar eluf kbar ta’ nies fis-Sirja u l-Iraq.

Anke f’dan il-każ, il-ġlieda kontra t-terroriżmu tkompli għaddejja, bil-President Amerikan Barack Obama ilbieraħ ħabbar kif l-Istati Uniti se jkun qed jaħdem biex jindirizza dawn l-isfidi ġodda.

Għalhekk, minkejja s-snin kollha li għaddew, l-effett ta’ din it-traġedja għadha u tibqa’ tinħass – il-11 ta’ Settembru 2001 jibqa’ imfakkar għal 102 minuti li biddlu l-belt ta’ New York, l-Istati Uniti u d-dinja tal-Punent għal dejjem.