Sport Sport Ieħor

Camilleri se jieħu sehem fil-ħames round f’Vallelunga

FORMULA RACING 4: Fi tmiem din il-ġimgħa s-sewwieqa Keith Camilleri tat-tim Malti Formula Racing 4 se jkun qed jieħu sehem fil-ħames tiġrija mill-kampjonat Taljan li se jsir fl-Autodromo Vallelunga.

Wara li kellu jitlef ir-raba’ round li sar f’Magione, Camilleri qal li minflok ma qagħad jiddispjaċih fuq iċ-ċans mitluf, għażel li jiddedika l-ħin biex jaħdem aktar iebes minn qabel ħalli jipprepara għat-tiġrijiet li ġejjin.

“Wara li ħadt id-deċiżjoni iebsa li ma nieħux sehem f’Magione, iddeċiedejt li niddedika aktar ħin minn qatt qabel għat-taħriġ biex naċċerta li nkun f’kundizzjoni fiżika ferm aħjar għal din it-tiġrija,” qal Camilleri.

Vallelunga hu ċirkwit impenjattiv li joffri taħlita ta’ kantunieri b’veloċita baxxa, medja u għolja u Camilleri jħoss li dan hu adattat ħafna għall-istil tiegħu.

Vallelunga mhux ċirkwit ġdid għal Camilleri wara li kiseb s-sitt l-aħjar ħin waqt testing uffiċjali tal-FIA f’Lulju fejn kien biss sekonda bogħod mil-lider. It-tim tiegħu, Malta Formula Racing ukoll mar tajjeb ħafna waqt dawn it-testijiet għaliex kien kapaċi jsib is-set up li jista’ joħroġ il-massimu mix-Chassis tat-Tatus TF104.

Malta Formula Racing immexxi minn Danilo Rossi, Marco Ubaldi u Roberto Venieri se jara lil Keith Camilleri flimkien mal-Amerikan Zackary Dante ikompli jtejjeb il-livell fl-ewwel staġun tiegħu. Flimkien magħhom taħt l-istess isem tat-tim Malti se jkun hemm it-Taljan Mattia Drudi li bħalissa jinsab fil-5 post fil-Kampjonat, Giovanni Altoe, Taljan ieħor u l-Indjan Mahaveer Raghunathan.

Barra t-track, Keith u t-tim tiegħu qed jittamaw li jiksbu biżżejjed fondi biex jaċċertaw il-parteċipazzjoni fil-futur. “Nafu tajjeb li ma konniex inkunu hawn mingħajr sponsors, l-aktar il-Britannia Tours, Twistees, VisitMalta.com, Chevron Auto Dealer u TVM2. Issa ninsabu determinati li nkomplu fil-futur imma dan jiddependi skont kemm insibu fondi,” qal Camilleri.

L-aħjar siltiet mit-tiġrija fi tmiem il-ġimgħa se jkunu qed jixxandru fuq TVM2 għada fis-6 p.m.