Knisja Lokali

Delegat ġdid għas-segretarjat tal-Ħidma Soċjali u ta’ Karita’ u Direttur Eżekuttiv ġdid tal-Caritas Malta

L-isorja esklussiva tal-ħarġa ta’ in-Nazzjon ta’ nhar it-Tlieta 9 ta’ Settembru, ġiet konfermata ilbieraħ meta l-Arċisqof innomina lil Mons. Charles Cordina bħala Delegat tiegħu għas-Segretarjat Ħidma Soċjali u ta’ Karità, u l-lajk ta’ 33 sena, is-Sur Leonid McKay bħala Direttur Eżekuttiv tal-Caritas Malta.

Il-Mons. Victor Grech ftit ta’ jiem ilu talab lill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. biex jirtira minn Delegat tas-Segretarjat Ħidma Soċjali u ta’ Karità, u Direttur tal-Caritas Malta. Il-Monsinjur Arċisqof irringrazzja lil Mons. Victor Grech għall-ħidma siewja fi ħdan il-Knisja f’Malta u s-soċjetà Maltija tul dawn l-aħħar 37 sena. Dan b’mod partikolari li waqqaf l-Aġenzija Caritas u l-Fondazzjonijiet għar-Rijabilitazzjoni ta’ persuni bi problemi tad-droga u vittmi tal-użura.

Insiru nafu ftit fuq il-Monsinjur Charles Cordina.

Mons. Charles Cordina twieled fit-8 ta’ Ġunju 1949, fil-lokalita’ ta’ Raħal Ġdid. Huwa ġie ordnat saċerdot fl-20 ta’ Lulju 1974. Wara l-ordinazzjoni, Mons. Cordina beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala viċi-kappillan fil-Parroċċa ta’ Lourdes, f’Raħal Ġdid. Fil-31 ta’ Jannar 1979 huwa nħatar biex isservi bħala kappillan tal-Parroċċa ta’ Santa Luċija u fil-21 ta’ Lulju 1988 inħatar kappillan tal-Parroċċa ta’ San Sebastjan, f’Ħal Qormi. Fl-10 ta’ Ottubru 1995 il-Mons. Cordina sar Delegat tal-Arċisqof għall-Kleru u fis-6 ta’ Ottubru 2001 ingħata l-kariga ta’ Segretarju Pastorali.

Fil-preżent, il-Mons. Cordina se jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Pastorali. Bħala Delegat tal-Arċisqof għas-Segretarjat Ħidma Soċjali u ta’ Karità, Mons. Cordina ser jippromwovi, jikkoordina, janima u jiżviluppa l-attivitajiet ta’ ħidma soċjali u ta’ karità li hawn fid-Djoċesi. Bosta huma l-entitajiet, fosthom il-Caritas, id-Djar tal-Anzjani, id-Djar tat-tfal, id-Djar tal-persuni b’diżabilità, l-Fondazzjoni Santa Giovanna Antida, is-Segretarjat Assistenza Soċjali, is-Soċjetà San Vincenz De Paule, il-Moviment Azzjoni Soċjali, il-Kummissjonijiet Djakonija fil-Parroċċi u oħrajn li diġa’ qed jagħtu servizzi utli f’bosta oqsma ta’ ħidma soċjali. Sadanittant, is-Segretarjat se ikompli jagħraf joħloq inizjattivi ġodda minħabba l-forom tal-faqar ġdid li kontinwament jinbet fis-soċjetà ta’ madwarna.

Insiru nafu ftit fuq Leonid McKay

Leonid McKay huwa mis-Siġġiewi u twieled fis-16 ta’ Novembru 1980. Hu miżżewweġ lil
Pauline u għandhom tifel ta’ sentejn. Iggradwa mill-Università ta’ Malta fis-Soċjoloġija u kompla b’Masters fil-Politika Soċjali. Għal dawn l-aħħar sentejn kien lecturer l-MCAST fejn fost suġġetti oħra, għallem ir-riċerka. Leonid McKay ilu involut fil-Caritas għal dawn l-aħħar disa’ snin. Il-qasam li speċjalizza fih kien dak tar-riċerka, b’attenzjoni partikolari lejn il-faqar materjali u soċjali. Kien il-moħħ wara diversi studji li ġew ppreżentati lill-Gvern fil-kamp tal-Politika Soċjali.

L-irwol tiegħu fi ħdan il-Caritas wasslu wkoll barra minn xtutna fejn kien imsejjaħ għal diversi konferenzi mtellgħa minn Caritas Europa bil-kontribut tiegħu fir-riċerka lokali li kienet issir minn żmien għal żmien.

Illum, bħala d-Direttur Eżekuttiv il-ġdid tal-Caritas Malta, McKay se jkompli jibni dawk is-servizzi fi ħdan Caritas li jingħataw bla ħlas lis-soċjetà Maltija b’mod partikolari l-qasam tal-abbuż mid-droga, l-użura, il-faqar u l-familji li għaddejjin minn problemi soċjali.