Editorjal

Editorjal: L-għafsa fuq il-pagi, bil-konferma

Kulħadd jaspira li jkollu paga li titjieb mhux biss biex ilaħħaq ma’ prezzijiet u bżonnijiet jiżdiedu – għax dak li lbieraħ kien lussu, malajr isir bżonn – imma wkoll biex itejjeb il-livell tal-għajxien tiegħu, biex jgħix aħjar.

 

Bejn l-2008 u l-2013, żidiet tajbin
Iċ-ċifri dwar l-ekonomija Maltija u d-dħul tal-ħaddiema fl-aħħar ftit snin juru ċar li waqt li d-dinja kienet qed tbati l-agħar riċessjoni f’seklu bejn l-2008 u l-2013, f’Malta kellna x-xogħol u wkoll pagi jiżdiedu b’rati tajbin.

 
Il-paga medja skont il-Labour Force Survey
Stħarriġ li jsir skont kriterji Ewropej u li hu meqjus bħala l-istandard tal-istatistika dwar ix-xogħol u l-pagi – l-Istħarriġ dwar is-Suq tax-Xogħol (Labour Force Survey) – juri li fil-ħames snin bejn Marzu 2008 u Marzu 2013, il-paga medja f’Malta żdiedet b’2,640 ewro, jiġifieri b’medja ta’ 528 ewro fis-sena.

 
Fl-2012, żieda ta’ 644 ewro fil-paga medja
Issa għandna konferma oħra anke dwar l-aħħar sena kalendarja sħiħa tal-Gvern Nazzjonalista. Stħarriġ ieħor, ukoll fuq kriterji Ewropej – l-Istatistiċi dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (Statistics on Income and Living Conditions – SILC) – juri li fl-2012 id-dħul medju tal-ħaddiem Malti żdied b’644 ewro.

 
Fl-ewwel sena tal-Gvern Laburista, 96 ewro biss
Dawn huma ċifri li għadhom kemm ħarġu u li juru kuntrast mal-ewwel sena tal-Gvern Laburista. Għax mill-Istħarriġ dwar is-Suq tax-Xogħol dwar is-sena bejn Marzu 2013 u l-istess xahar ta’ dis-sena, il-paga medja żdiedet biss b’96 ewro.

 
Mentalità tal-pagi baxxi
Tidher ċara l-għafsa fuq il-pagi li ġejja minn mentalità ta’ pagi baxxi. Hu l-Gvern stess li qed jagħti eżempju ta’ dan bil-bejgħ li għamel tal-EneMalta lill-Gvern taċ-Ċina fejn lill-ħaddiema qabel l-elezzjoni kien wegħedhom li dak li jdaħħlu fil-but mhux se jonqos, waqt li issa l-ittri li qed jibgħatilhom dan ma jgħiduh imkien.

 
Konrad Mizzi jgħid li nefqa ta’ ġimgħa hi 25 ewro
Il-Ministru responsabbli mill-EneMalta, Konrad Mizzi, naturalment ma jittrattax lil martu bl-istess mod għax martu lanqas tibda tgħoddhom it-13,000 li qed iddaħħal fix-xahar. L-istess Ministru li qal li nefqa ta’ ġimgħa hi 25 ewro.

 
L-ebda ħsieb x’se nesportaw lejn 1,400 miljun Ċiniż…
Bil-mentalità ta’ Ministru li jaħseb li f’ġimgħa n-nies jonfqu 25 ewro, bilfors l-għafsa fuq il-pagi. Il-pagi jiżdiedu realment meta l-Gvern ikun qed jaħseb Malta x’se tbigħ liċ-Ċina fiċ-Ċina; x’se nesportaw lill-1,400 miljun Ċiniż biex naqilgħu l-flus f’Malta.

 
…imma biss ħsieb x’se nagħtu minn ħwejjiġna f’Malta
Imma l-Gvern ħsiebu x’se jagħti minn ħwejjiġna lill-Gvern taċ-Ċina. Dik mhix strateġija ta’ esportazzjoni u żieda fil-pagi imma konferma oħra tal-għafsa fuq il-pagi.