Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li jinnota b’sodisfazzjon ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li analizza l-iżviluppi fis-settur industrijali u li kkonkluda li grazzi għall-investiment, skemi u inċentivi li saru fl-aħħar snin, hemm lok għall-pożittività f’dan is-settur.
Kif jinnota fi stqarrija tal-Gvern il-Ministru Chris Cardona, l-istess Kummissjoni Ewropea faħħret lill-pajjiżna b’mod partikolari għall-investiment f’parks industrijali u kummerċjali, l-għajnuna biex negozji ż-żgħar jingħataw għajnuna finanzjarja permezz ta’ skemi apposta, kif ukoll skemi oħra tal-Malta Enterprise li taw għajnuna biex sidien ta’ negozju jespandu l-operat tagħom, jinvestu fir-riċerka u fit-teknoloġija u b’hekk ukoll iħaddmu iżjed nies.
Konvenjentement, jgħid il-Partit Nazzjonalista, Chris Cardona naqas milli jgħid li dawn il-proġetti ġodda kif ukoll l-iskemi u inċenvi maħluqa, bl-għajnuna ta’ fondi mill-UE, saru mill-Gvern preċedenti.
Iżda li jħasseb il-Partit Nazzjonalista, tkompli tgħid l-istqarrija, mhuwiex dibatittu trivjali ta’ min nieda xi proġett jew skema – dak li hu tajjeb għal familji u negozji Maltin jibqa’ tajjeb għamlu min għamlu. Il-Partit Nazzjonalista jinkwieta li proprju l-istess skemi u inċentivi li faħħret il-Kummissjoni Ewropea – u li ftaħar bihom ukoll Chris Cardona – twaqqfu u ma reġgħux inbdew minn Gvern Laburista.
L-istess Gvern Laburista li din is-sena – s’issa – nefaq €60 miljun aktar fuq salarji u spejjeż operattivi tal-Gvern biss – ma sabx flux biex jgħin lis-sidien ta’ negozji biex jinvestu aktar u joħolqu aktar postijiet tax-xogħol, iżid jgħid il-PN.
L-istqarrija ttemm tgħid li dawn il-prioritajiet żbaljati tal-Gvern qed iwasslu għar-riżultati li rajna fl-aħħar jiem fl-ekonomija ta’ pajjiżna – tnaqqis fl-oqsma industrijali, tnaqqis fil-bejgħ tal-ħwienet, tnaqqis fl-importazzjoni u fil-kunfidenza tal-konsumatur, li qed jirriżultaw f’għafsa fil-pagi għall-familji Maltin u Għawdxin.
//= $special ?>