Il-Pulizija rnexxielha tikseb provi biżżejjed biex tkun f’pożizzjoni li tressaq lil Karl Azzopardi, Direttur ta’ dik li kienet il-kumpanija tal-ivvjaġġar Fantasy Tours. Minn sorsi ta’ min jorbot fuqhom Azzopardi mistenni jitressaq b’ċitazzjoni quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, li għad irid jiffissa data għal meta jibda jinstema’ l-każ.
Kollox jindika li Azzopardi se jitressaq aktar tard dan ix-xahar. Azzopardi mistenni jiġi mixli bi frodi, ta miżappropjazzjoni, li qarraq bil-klijenti tiegħu u li ħa vantaġġ minnhom meta hu suppost kellu jipprovdilhom servizz li għalih huma ħalsu l-flus.
Sena ilu, eżattament fis-6 ta’ Settembru tal-2013, u xi ġimgħat wara mal-255 individwu, permezz tal-avukati Franco Debono u Marion Camilleri, kienu ressqu ittra uffiċjali fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra s-sidien tal-kumpanija Fantasy Tours, primarjament kontra Karl Azzopardi. Dawn kienu wħud mill-persuni li fis-sajf ta’ sena ilu tilfu flushom wara li vaganza bbukjata ma’ din il-kumpanija ma saritx.
L-ittra kienet ġiet ippreżentata fil-Qorti kontra Fantasy Tours, Golden Travel Club Malta u s-sid Karl Azzopardi. Inklużi fl-ittra wkoll kien hemm l-eks mara tiegħu u ommu Emma Azzopardi, li kienu shareholders. Dawn mistennija jixhdu f’dawn il-proċeduri.
Kienet ippreżentata ittra oħra mill-Bank of Valletta kontra Golden Travel Club Ltd, biex fi żmien jumejn iħallsu lura s-self ta’ €114,695, li l-kumpanija għandha mal-bank fuq dan l-aspett. Fin-nuqqas li dan jiġri, il-BOV kien hedded li jipproċedi kontra tagħhom legalment. Diversi rapporti mingħand nies li ngidmu mill-Fantasy Tours. Kienu saru f’diversi għases tal-Pulizija u l-Kwartieri Ġenerali.
Il-każ tal-Fantasy Tours faqqa’ s-sajf li għadda meta mijiet ta’ persuni li kellhom is-safar ibbukjat ma’ din il-kumpanija rċevew SMS li nfurmahom li s-safar kien ġie mħassar. Minn dakinhar stess l-uffiċċji tal-Fantasy Tours kienu ngħalqu mingħajr spjegazzjoni. Kien hemm minn ħallas għall-vjaġġ f’ġurnata partikolari filgħodu, u ftit sigħat wara rċevew messaġġ li qalilhom li s-safra kienet tħassret.
Il-konsumaturi kienu qegħdin jesiġu li għandhom jieħdu l-flus lura, bil-kumpaniji tal-assikurazzjoni ma jagħtux kumpens f’każijiet bħal dawn, ħafna qegħdin jibżgħu kienu baqħu b’xiber imnieħer.
Sadanittant fl-4 ta’ Frar, 2013, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon kienet laqgħet talba tal-kumpanija Golden Travel biex l-aġenzija tal-ivvjaġġar Fantasy Tours tiġi dikjarata xolta u falluta. Dan wara rikors kien sar minn Karl Azzopardi u l-eks mara tiegħu bħala azzjonisti tal-istess kumpanija.
Mill-provi kien irriżulta li l-kumpanija Golden Travel Club Limited kienet reġistrata fir-reġistru tal-kumpaniji fit-30 ta’ Jannar 2004 u li kellha Direttur wieħed Karl Azzopardi, li b’kollox kellu 17,888 sehem. Kien fit-8 ta’ Awwissu tal-2012, meta saret laqgħa ġenerali straordinarja tal-kumpanija fejn il-koppja Azzopardi għaddew riżoluzzjoni li permezz tagħha qalu li l-kumpanija se tkun xolta u għalhekk il-każ kien se jispiċċa l-Qorti.
Fil-laqgħa ġenerali kien ġie deċiż ukoll li l-proċedura biex il-kumpanija tiġi xolta tittieħed mill-aktar fis possibbli u li l-Qorti kienet se tintalab biex tappunta amministratur proviżorju u li l-kumpanija ma tistax tħallas id-djun li għandha. Il-kumpanija kienet qalet ukoll li hi taħdem fis-settur tal-ivvjaġġar u li minkejja li għamlet minn kollox biex timmassimizza n-negozju tagħha il-konkorrenza tal-pubbliku ma kienitx kif mistenni.
Il-kumpanija kienet qalet li t-telf beda jikber u li dan wassal għal sitwazzjoni fejn il-kumpanija Golden Travel ma kienitx f’pożizzjoni aktar li tħallas id-djun tagħha. Dan kollu kien żvelat mix-xhieda tal-awditur Paul Marmara u anke l-istess Direttur Karl Azzopardi.
Dan tal-aħħar kien qal fil-Qorti li bejn l-2009 u l-2011 huwa kien qiegħed fil-kumpanija €300,000 minn tiegħu, u minkejja dan il-kumpanija xorta spiċċat biex falliet. Il-Qorti kienet qalet li mid-dokumenti jirriżulta li għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2009, il-kumpanija kellha telf qabel it-taxxa ta’ €11,810, li wara t-taxxa ġie €8,005 meta fis-sena ta’ qabel kellha profit ta’ €2,942.
Għal dik is-sena, l-assi kienu jammontaw għal €422,673 waqt li d-djun kienu ta’ €482,410. Is-sena li għalqet fl-2010, il-kumpanija kellha telf ta’ qabel it-taxxa ta’ €42,062. Dik is-sena l-assi niżlu għal €418,55 u d-djun żdiedu għal €520,343 u fiż-żewġ każijiet meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Għas-sena li għalqet fl-2011 minkejja li l-kumpanija kellha profit qabel ma tħallset it-taxxa ta’ €10,468 u bl-assi jitilgħu għal €594,186, id-djun telgħu ukoll għal €685,517, jiġifieri €16,843 fuq is-sena ta’ qabel u ta’ min jgħid ukoll li s-self waħdu kienu jammonta għal €387,191.
Għas-sena 2012 kien hemm profitt ta’ €14,144 qabel it-taxxa, nuqqas fil-valur tal-assi ta’ €365,700, b’nuqqas fid-djun kienu ta’ €495,484. Il-Qorti kienet qalet li ġara kien li fis-snin 2009 sa 2012 minkejja sentejn ta’profitt limitat, id-djun baqgħu konsistentement jissuperaw l-assi. In-negattività finanzjarja tal-kumpanija laħqet il-massimu tagħha matul is-sena 2012 għaliex fl-ewwel sitt xhur kellha telf ta’ €228,565.
Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kienet qalet li t-talbiet tal-kumpanija jirriżultaw ippruvati u għalhekk ordnat ix-xoljiment tal-kumpanija Golden Travel Ltd. b’effett mit-8 ta’ Awwissu 2013 u ħatret lil-Avukat Richard Galea Debono biex wara li jikseb id-dikjarazzjoni dwar il-qagħda tal-kumpanija, jagħmel rapport lill-Qorti skont il-liġi, jagħmel verifika tal-assi u d-djun tal-kumpanija Golden Travel u dwar il-gradwazzjoni tad-djun u jieħu taħt il-kustodja jew il-kontroll tiegħu l-assi kollha tal-kumpanija.
//= $special ?>

