Ekonomija Lokali

Il-Gvern Laburista mhux isib fondi għal skemi li jagħmlu d-differenza – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista nnota b’sodisfazzjon ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li analizza l-iżviluppi fis-settur industrijali u li kkonkluda li grazzi għall-investiment, skemi u inċentivi li saru fl-aħħar snin, hemm lok għall-pożittività f’dan is-settur. Dan qalu l-PN fi stqarrija f’isem il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma tal-Parlament u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar Mario de Marco, il-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech u l-Kelliema għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Kompetittività Kristy Debono.

Il-PN fakkar li fi stqarrija tal-Ministru Chris Cardona, l-istess Kummissjoni Ewropea faħħret lil pajjiżna b’mod partikolari għall-investiment f’parks industrijali u kummerċjali, l-għajnuna biex negozji ż-żgħar jingħataw għajnuna finanzjarja permezz ta’ skemi apposta, kif ukoll skemi oħrajn tal-Malta Enterprise li taw għajnuna biex sidien ta’ negozju jespandu l-operat tagħom, jinvestu fir-riċerka u fit-teknoloġija u b’hekk ukoll iħaddmu iżjed nies.

Madankollu, konvenjentement Chris Cardona naqas milli jgħid li dawn il-proġetti ġodda u l-iskemi u inċentivi maħluqa, bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, saru mill-Gvern preċedenti. L-istqarrija tgħid li dak li jħasseb lill-PN mhux dibatittu trivjali ta’ min nieda xi proġett jew skema għax dak li hu tajjeb għall-familji u n-negozji Maltin jibqa’ tajjeb, għamlu min għamlu. Il-PN jinkwieta li l-istess skemi u inċentivi li faħħret il-Kummissjoni Ewropea, u li ftaħar bihom ukoll Chris Cardona, twaqqfu u ma reġgħux inbdew minn Gvern Laburista.

Din is-sena biss, il-Gvern Laburista s’issa nefaq €60 miljun aktar fuq salarji u spejjeż operattivi tal-Gvern biss, iżda ma sabx flux biex jgħin lis-sidien ta’ negozji ħalli jinvestu aktar u joħolqu aktar postijiet tax-xogħol. Dawn il-prijoritajiet żbaljati tal-Gvern qed iwasslu għar-riżultati li rajna fl-aħħar jiem fl-ekonomija ta’ pajjiżna, jiġifieri tnaqqis fl-oqsma industrijali, tnaqqis fil-bejgħ tal-ħwienet u tnaqqis fl-importazzjoni u fil-kunfidenza tal-konsumatur. Dawn kollha qed jirriżultaw f’għafsa fil-pagi għall-familji Maltin u Għawdxin, temmet tgħid l-istqarrija.