Jeffrey Cassar, ta’ 29 sena mill-Mosta u residenti San Pawl il-Baħar, ġie kkundannat sena ħabs mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera wara li ammetta li wettaq żewġ serqiet mil-lukanda Luna fil-Mellieħa. Cassar hu l-istess persuna li fl-4 ta’ Marzu 2014 ngħata sentenza ta’ disa’ xhur priġunerija u ordnat iħallas €21,000 f’garanzija personali.
Dan wara li fit-2 ta’ Marzu 2014 kien qed jiġi mfittex mill-Pulizija fil-Qawra wara li pprova jaħrabilhom billi għam sas-Salina. Għall-ewwel, Cassar kien deher nieżel jiġri ħdejn il-boathouses tal-Qawra b’numru ta’ Pulizija jsegwuh. Wieħed mill-Pulizija kien anke spara tir ta’ twissija, filwaqt li kien imwissi wkoll minn Pulizija ieħor. Persuni li kienu fuq il-post qalu li r-raġel injora t-twissija tal-Pulizija u qabeż fil-baħar fejn hemm il-blat baxx.
Minkejja li weġġa’, ir-raġel kien għam sas-Salini, fejn inħeba man-naħa ta’ Triq il-Kosta. Madwar 12-il Pulizija marru fil-post u dehru jfittxu fejn tela’ r-raġel. Wara madwar 20 minuta, huma dehru jinġabru madwar post partikolari fis-Salini u rnexxielhom isibu r-raġel moħbi f’toqba fil-blat. Ftit wara, ir-raġel ittieħed b’Ambulanza skortata mill-Pulizija. Ir-raġel kien qed jiġi mfittex b’rabta ma’ serq u atti kriminali oħrajn wara li kien kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu minn tliet deċiżjonijiet tal-Qorti.
Fil-Qorti hu kien ammetta li kiser dawn il-kundizzjonijiet, kif ukoll li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, għamel il-ħsara fi propjetà ta’ ħaddieħor u li sar riċediv. Kien appella mill-piena ta’ disa’ xhur ħabs mogħtija lilu u reġa’ kiser il-Liġi bis-serqa f’Jum Santa Marija, għall-ħabta tal-5.30pm, mil-Luna Holiday Complex fil-Marfa. Hemm, hu kien battal il-kaxxi tal-games rooms u seraq madwar €350, filwaqt li għamel €800 fi ħsara.
Cassar reġa’ wettaq serqa oħra għad-dannu tal-istess kumpanija, fejn flimkien ma persuna oħra kkaġuna ħsara volontarja ta’ diversi oġġetti, liema ħsara ma taqbiżz il-valur ta’ €1,164.69 iżda hi aktar minn €116.47. Hu ammetta li f’dawn iċ-ċirkostanzi kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja mposti lilu mill-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit u mill-Maġistrat Tonio Micallef Trigona, kif ukoll il-kundizzjonijiet mogħtija lilu mill-Imħallef Michael Mallia.
Il-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Godwin Scerri mid-Distrett tal-Qawra, filwaqt li għal Cassar deher l-Avukat Noel Bianco.
//= $special ?>

