Sean Cini, ir-rebbieħ fil-kompetizzjoni organizzata mid-Dar tal-Providenza għal logo ġdid, ilbieraħ kien ippreżentat bi trofew waqt ċerimonja li saret fid-Dar stess, fis-Siġġiewi. Barra minhekk, dawk kollha li pparteċipaw ingħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni.
F’diskors qasir tal-okkażjoni, l-Arċisqof Pawlu Cremona qal li permezz tad-Dar tal-Providenza, il-Knisja rat li l-persuni b’diżabbiltà f’pajjiżna jinħarġu fil-beraħ mill-kantini, li bosta minnhom kienu jinżammu fihom. Qal li llum, aktar qed niffokaw fuq l-abbiltà tal-persuni milli fuq id-diżabbiltà tagħhom.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef qal li llum qed nitkellmu fuq il-mudell soċjali tad-diżabbiltà b’tali mod li naraw id-diżabbiltà bħala differenza minflok nuqqas. Qal li llum l-enfasi tal-mudell soċjali tad-diżabbiltà hi fuq il-persuna u l-abbiltajiet tagħha u mhux fuq in-nuqqas.
Sean Cini, li għandu 26 sena, hu artist żagħżugħ b’talent frisk u promettenti ħafna fl-Arti Viżwali u Disinn Grafiku. Jispeċjalizza f’xogħolijiet tal-arti semi-astratti u espressjonisti. Ix-xogħolijiet tiegħu li jiżviluppa fuq diversi mezzi artistiċi joħorġu diversi emozzjonijiet u espressjonijiet, l-aktar fil-movimenti differenti tal-figura tal-bniedem.
Illum il-ġurnata, Sean jaħdem fid-Dipartiment tal-Marketing tal-kumpanija MaltaPost, bħala Graphic Designer.
//= $special ?>