Futbol Sport

Jerġgħu jiltaqgħu Arsenal kontra Man City

 FUTBOL INGLIŻBejn is-Sibt u nhar it-Tnejn jirritorna l-kampjonat Ingliż wara l-waqfa minħabba l-partiti internazzjonali fejn l-aktar logħba li tispikka se tkun l-ewwel waħda fil-programm, bejn Arsenal u Manchester City fl-Emirates Stadium. Reċentement iż-żewġ timijiet iltaqgħu fil-finali taċ-Charity Shield meta l-Gunners ħarġu rebbieħa 3-0. 

Minn dakinhar Arsenal donnhom naqqsu mir-ritmu u mill-ewwel tliet partiti għandhom żewġ draws u rebħa. Fl-aħħar ħarġa ġew draw kontra Leicester filwaqt li kien biss fl-ewwel logħba, kontra Crystal Palace, li ħadu t-tliet punti, b’gowl fl-aħħar minuta.

Manchester City bdew b’żewġ rebħiet konsekuttivi imma fl-aħħar ħarġa tilfu f’darhom 1-0 kontra Stoke u żgur li ż-żewġ timijiet, ladarba rritorna l-kampjonat, iridu jwettqu reazzjoni. Kemm Arsenal kif ukoll City, il-ġimgħa li ġejja jibdew l-impenji fil-fażi tal-gruppi taċ-Champions League. It-tim ta’ Wenger jilgħab it-Tlieta kontra Borussia Dortmund filwaqt li City jilagħbu l-Erbgħa kontra Bayern Munich.

Bla dubju wieħed mill-aktar plejes perikolużi għal City se jkun l-attakkant il-ġdid ta’ Arsenal Danny Welbeck, li ngħaqad magħhom mingħand Manchester Utd. Matul il-ġimgħa Welbeck skurja żewġ gowls mal-Ingilterra fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016 kontra l-Iżvizzera. Fuq in-naħa l-oħra plejer ta’ City li sab ix-xibka matul il-ġimgħa kien il-winger Spanjol David Silva li skurja wieħed mill-ħames gowls fir-rebħa faċli 5-1 kontra l-Maċedonja.

Wara l-partita bejn City u Arsenal jidħlu fl-azzjoni l-liders Chelsea u Swansea, l-uniċi żewġ timijiet li għandhom punti massimi wara tliet partiti. Chelsea, fl-aħħar ħarġa rebħu 6-3 kontra Everton filwaqt li Swansea rebħu 3-0 kontra West Bromwich Albion. Fuq il-karta Chelsea, li se jkunu qed jilagħbu fi Stamford Bridge jibdew favoriti li jieħdu t-tliet punti imma wieħed irid jiftakar li ġimgħa oħra jmisshom fiċ-Champions League kontra Schalke.

Minkejja li fl-aħħar logħba rebħu kontra Everton żgur li Chelsea ma jridux jerġgħu jagħmlu l-iżbalji fid-difiża kontra Swansea, tim li s’issa skurja sitta, medja ta’ żewġ gowls kull partita. Swansea diġà għelbu lil Man Utd barra minn darhom.