Lokali Qorti

Koppja mixlija li talbu sigarett lil raġel, u wara ħarġu mus għalih u serquh

Koppja nżammu taħt arrest preventiv wara li ġew mixlijin quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li waqqfu raġel u spiċċa biex serqulu l-kartiera li kien fiha l-flus, bl-ammont jibqa’ mhux magħruf.

Kien żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Gżira u s-sieħba tiegħu, Beltija ta’ 49 sena, li ġew mixlijin li serqu flus mingħand raġel wara li waqqfuh fit-triq, talbuh sigarett u mbagħad ħarġu mus u heddewh bih.

Clayton Fenech u Josephine Grixti, li t-tnejn ma jaħdmux ġew mixlijin wkoll li huma reċidivi. Grixti waħedha kienet akkużata wkoll li wettqet reat fil-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u li tlajjat bi skop ta’ prostituzzjoni.

Huma wieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi kollha miġjubin kontrihom u minkejja t-talba minn naħa tad-difiża, l-akkużati nżammew taħt arrest. L-Ispettur Carlos Cordina, li oġġezzjoni bil-qawwa kollha għal liberta proviżorja qal li l-każ ġara fil-21 ta’ Lulju li għadda, għall-ġabta tas-1.00am, meta l-vittma, Robert Thomas Owen, kien sejjer lura d-dar mix-xogħol. Huwa kien miexi fi Triq Testaferrata, il-Gżira, meta Grixti marret fuqu u talbitu sigarett.

Skont l-Ispettur, malli Owen taha s-sigarett, Fenech heddu b’mus u serqu. L-avukat difensur, Anthony Stellini, ikkontesta l-fatti skont il-Prosekuzzjoni. Sdanittant Fenech ukoll instema’ jgħid li din l-istorja kienet ivvintata.

Dwar il-liberta’ proviżorja, l-Ispettur qal li l-imputati m’għandhomx jingħataw il-ħelsien mill-arrest għax wieħed ma jistax jafdahom. Fil-fatt huma bidlu l-indirizz tagħhom tliet darbiet u l-pulizija kienu ilhom ifittxuhom mill-24 ta’ Lulju. Barra minn hekk, il-vittma jgħix fl-istess inħawi fejn joqogħdu huma fil-preżent.