Lokali Saħħa

Kritika mill-MUMN għax il-Gvern għadu ma rreklutax lill-qwiebel li se jiggradwaw dalwaqt

Arkivji

Il-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN) ikkritikat lid-Dipartiment tas-Saħħa talli għadu ma rreklutatx il-qwiebel li se jiggradwaw dalwaqt. Fi stqarrija, l-MUMN fissret li r-reklutaġġ ta’ dawn il-qwiebel hu essenzjali biex id-Dipartiment tal-Maternità jipprovdi kwalità għolja u kura bla periklu lil nisa tqal u t-trabi tagħhom.

Fl-istqarrija, il-Viċi President tal-MUMN Maria Cutajar qalet li hi ħasra li l-qwiebel qed ikunu trattati ta’ professjonisti tat-tieni klassi. F’kummenti lil MaltaRightNow.com, Maria Cutajar qalet li fil-qafas tas-saħħa, il-qwiebel huma importanti daqs l-infermieri. Fissret kif il-President tal-Union Paul Pace kien ilu minn Ġunju jikkorrispondi mal-Gvern dwar din il-kwistjoni.

Meta staqsejnieha dwar jekk għadx hemm kwistjonijiet oħrajn relatati mar-riżorsi umani, il-Viċi President tal-MUMN qalet li d-domanda hi ferm akbar mill-provista li qed jipprovdi l-pajjiż fil-preżent u għalhekk irridu nsibu alternattivi oħrajn biex kemm jista’ jkun din id-domanda għall-infermieri tkun indirizzata mill-aktar fis.

Jekk il-qwiebel ma jkunux impjegati sal-Erbgha li gej, l-MUMN mistennija tirreġistra tilwima industrijali, anke għax s’issa l-MUMN ma kellha ebda reazzjoni mill-Gvern biex jindirizza n-nuqqas ta’ qwiebel.