Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, għal darb’oħra ċaħdet it-talba għal-libertà proviżorja taż-żewġt irġiel akkużati bil-qtil ta’ messaġġier ta’ Bank Of Valletta fit-18 ta’ Settembru 2000. Il-Qorti kkunsidrat il-gravità tar-reat imwettaq, il-fatt li għad fadal xhieda pajżana x’jinstemgħu, kif ukoll l-affidabbiltà tal-akkużati James Vella ta’ 33 sena minn Ħal Qormi magħruf bħala “Il-Frejżer” u Christopher Scerri ta’ 35 sena minn Tal-Pietà magħruf bħala “Gazzetti” jew “Buttuni”.
Il-qtil kien seħħ għall-ħabta tal-5.30am f’San Ġwann, bil-vittma Alphonse Ferriggi jmut kawża ta’ tiri ta’ arma tan-nar, b’tir minnhom f’rasu jkun dak fatali. Fil-kumpilazzjoni tal-lum, l-Avukat Difensur Franco Debono, li flimkien mal-Avukat Marion Camilleri qed jiddeffendi lill-akkużati, ilmenta mill-fatt li l-uniku xhud li seta’ jgħid xi ħaġa ta’ sustanza baqa’ ma nġabx jixhed mill-Prosekuzzjoni. Mitlub jindika lix-xhud, Debono qal li l-Qorti taf għalmin qed jirreferi.
L-Ispettur Chris Pullicino qal li jħoss li għadu bikri wisq biex l-akkużati jingħataw il-libertà proviżorja. Qal li dan hu każ b’daqstant gravità li neħħiet il-ħajja ta’ persuna u fejn tapplika l-piena ta’ għomor il-ħabs. Sostna li l-Prosekuzzjoni ma kaxkritx saqajha għax ittellgħu ammont ta’ xhieda konsiderevoli. Qal ukoll li hemm biża’ anke ta’ ħarba u li għalkemm qed nitkellmu fuq il-libertà tal-akkużati, il-Prosekuzzjoni trid tħares l-interessi tal-vittma, li llum ma jistax jitkellem, u l-interessi tal-familja tiegħu.
Filwaqt li ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ordnat lill-Proskuzzjoni biex fis-seduta li jmiss ittella’ x-xhieda pajżana apparti xhieda oħrajn, inkluż Pulizija.
//= $special ?>

