Atletika Internazzjonali Sport

Aġġornata (2): Pistorius ħati ta’ qtil involontarju, id-Difiża titlob għal-libertà proviżorja

Aġġornament: 2pm L-Imħallef Thokozile Masipa tat il-libertà proviżorja lil Pistorius sakemm tingħata s-sentenza fit-13 ta’ Ottubru li ġej. Iz-ziju tal-atleta, Arnold Pistorius, qal li l-familja tinsab “grata ħafna” għall-fatt li l-Imħallef ma sabitux ħati ta’ qtil volontarju, tant li issa “tneħħa piż kbir minn fuqhom (il-membri tal-familja)”. Sadanittant, Pistorius instab ħati wkoll ta’ traskuraġni talli kellu f’idu arma tan-nar li sparatlu f’ristorant.

Aktar kmieni …
L-atletika mill-Afrika ta’ Isfel Oscar Pistorius dalgħodu nstab ħati tal-qtil involontarju tas-sieħba tiegħu Reeva Steenkamp. Dan ħareġ fit-tieni sessjoni tal-qari tal-verdetti mill-Imħallef Thokozile Masipa, li qed ikompli llum fil-Qorti ta’ Pretoria, fl-Afrika ta’ Isfel. Madankollu, l-Imħallef Masipa għahd ma tatx x’piena se jingħata Pistorius, anke minħabba li d-Difiża talbet il-libertà proviżorja. Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni appellat, bl-Imħallef tissospendi s-seduta biex tiddeċiedi dwar din it-talba.

Ilbieraħ, Pistorius ma nstabx ħati tal-qtil premeditat bl-Imħallef tgħid li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova li Pistorius qatel lil Steenkamp b’mod premeditat f’Jum San Valentinu tal-2013 wara argument bejniethom. Qalet ukoll li ma setax ikun jaf min kien hemm wara l-bieb tal-kamra tal-banju meta spara t-tiri li qatlu lis-sieħba tiegħu. L-Imħallef kompliet li filwaqt li kien evażiv u vag meta ta x-xhieda tiegħu, dan ma jfissirx li Pistorius hu ħati.

Hu maħsub li Pistorius issa jista’ jeħel bejn seba’ u 15-il sena ħabs, b’akkużi oħrajn li qed jiffaċċja jkunu żewġ inċidenti li fihom spara arma tan-nar u pussess ta’ munizzjon li m’għandux liċenzja għalihom.