Żagħżugħ Norveġiż ta’ 25 sena ġie kundannat xahar ħabs sospiżi għal sentejn u mmultat €500 wara li ammetta li ta fastidju lil tfajla Maltija billi dejjaqha u ffittaha b’messaġġi u “emails”. Dan kollu seħħ wara li ffissa bl-ikraħ fuqha.
Mill-provi rriżulta li Steffen Sorvik, sar jaf lit-tfajla Maltija, Stacy Giordmania “online”, meta kien qed jilgħab f’każinò virtwali. Huma bdew jibagħtu messaġġi u emails lil xulxin, iżda ġara li Sorvik sar ossessjonat bit-tfajla tant li bbumbardjaha bl-“emails” u l-messaġġi.
Minkejja li t-tfajla injorat l-avvanzi tiegħu, huwa xorta waħda ġie Malta dan ix-xahar biex jipprova jiltaqa’ magħha. Il-Maġistrat Charmaine Galea wissiet lil Sorvik li jekk jibqa’ jiffitta lit-tfajla, kien se jintbagħat il-ħabs.
Minbarra l-multa u s-sentenza sospiża, hija ordnat lin-Norveġiż biex ma jersaqx lejn it-tfajla u lanqas imur fil-postijiet fejn hija tiffrekwenta għal mill-inqas sentejn. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Agius.
//= $special ?>