Internazzjonali

Tħassib li l-ISIS għandu aktar minn 30,000 ġellied

Is-CIA qed tgħid li l-grupp militanti tal-Istat Iżlamiku (ISIS) jista’ għandu aktar minn 30,000 ġellied fl-Iraq u fis-Sirja, jiġifieri tliet darbiet aktar minn dak li kien maħsub. Kelliem għall-Aġenzija Sigrieta Amerikana qal li din l-istima l-ġdida kienet ibbażata fuq studju dwar rapporti ta’ spjunaġġ li saru bejn Mejju u Awwissu.

L-ISIS ħataf u qed jikkontrolla diversi żoni fl-Iraq, kif ukoll qatel numru ta’ ostaġġi. Dan wassal biex l-Istati Uniti għamlet bosta attakki mill-ajru. Is-Segretarju ta’ l-Istat Amerikan John Kerry qed iżur it-Turkija biex jikseb aktar appoġġ għal azzjoni militari kontra l-ISIS. Ilbieraħ għaxar pajjiżi Għarab qablu li jgħinu lill-Istati Uniti biex tattakka lill-militanti fl-Iraq u fis-Sirja.

Fil-ġimgħat li għaddew, is-CIA qalet li temmen li l-ISIS kellu madwar 10,000 ġellied, iżda issa dan in-numru trippla u qajjem aktar tħassib.