Bejn April u Ġunju 2014, id-dħul u l-ħruġ ta’ prodotti agrikoli niżlu b’10.2% u 3.3% rispettivament meta mqabbla mal-istess xhur fl-2013. Tagħrif ipprovdut mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) wera li l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-produzzjoni għal prodotti agrikoli fit-tieni kwart tal-2014 kien 100.96 punt, jiġifieri tnaqqis ta’ b’10.2% minn 112.47 punt fl-istess perijodu tal-2013.
Dan kien b’riżultat ta’ tnaqqis ta’ 23.4% fl-Indiċi tal-Prezzijiet ta’ ħaxix frisk, l-aktar minħabba prezzijiet baxxi ta’ produzzjoni li kienu reġistrati għall-basal, għall-bettieħ u għall-faqqiegħ. Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tal-produzzjoni għat-tadam u l-pastard telgħu b’26.8% u b’4.3% rispettivament. Matul dan il-perijodu, l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-frott naqas b’14.2% b’riżultat ta’ żieda ġenerali fil-provvista ta’ frott frisk.
Prezzijiet imraħħsa tal-produzzjoni kienu reġistrati għal prodotti agrikoli oħrajn, l-aktar il-ħawħ u l-frawli. Sadnittant, l-indici tal-qatla tal-annimali niżel bi 2.7% fil-mija meta mqabbel mas-sena li għaddiet, hekk kif prezzijiet baxxi kienu reġistrati għall-barrin, għat-tjur u għall-fniek.
Barra minhekk, l-Indici ta’ Prodotti mill-annimali wkoll niżel bi 12.2% minħabba prezzijiet baxxi fil-produzzjoni tal-ħalib u l-bajd.
//= $special ?>