Lokali

32 transfer fil-Pulizija… it-total jitla’ għal 700, terz tal-Korp

[headlines headline=”h3″ ]Ikompli t-transfers fil-korp tal-Pulizija. Iktar kmieni din il-ġimgħa ħarġu 32 transfer ieħor biex issa in-numru ta’ transfers minn meta tela’ l-Gvern Laburista qabeż is-700, iktar minn terz tal-Korp [/headlines]

Tkompli s-saga tat-transfers fil-Korp tal-Pulizija li ħafna minnhom żgur li għandhom xamma politika. It-transfers saru f’ħafna mill-livelli, minn Spetturi sa Surġenti u Kuntistabbli. Fil-fatt, l-Erbgħa li għadda inħarġu 32 transfer.

B’din l-aħħar sensiela ta’ transfers, in-numru ta’ pulizija li qalgħu transfer qabeż is-700. Jiġifieri iktar minn terz tal-membri tal-Korp tal-Pulizija, li jlaħħaq mal-1,900, qala’ transfer f’dawn l-aħħar 18-il xahar.

L-Ispettur Josric Mifsud mid-distrett tan-Naxxar ġie trasferit għal Bormla u l-Ispettur Edel Mary Camilleri mill-Immigration għad-Distrett tar-Rabat.

Sadanittant l-Ispettur Sandra Zammit mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija spiċċat Birkirkara u l-Ispettur Pierre Micallef Grimaud mill-Belt ġie trasferit lejn Ħal-Qormi, bl-Ispettur Priscilla Caruana tispiċċa l-Belt minn Birkirkara.

Ma ħelishiex lanqas Mario Rotin, il-Pulizija li ftit tax-xhur qala’ xejn inqas minn erba’ transfers f’ġurnata hekk kif iktar kmieni din il-ġimgħa dabbar il-ħames transfer.

U wara 22 sena ta’ servizz mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, issa anke l-Pulizija li dara x-xogħol fuq ponot subajgħ, laqqat transfer.

Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit

L-eks Kummissarju Peter Paul Zammit

Dawn it-transfers kollha wasslu biex ħafna mill-għases naqqsu ħafna mill-complement tagħhom.
Sorsi li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalu li l-eks Kummissarju Peter Paul Zammit kien tal-idea li l-pulizija fl-għases jonqsu u jkunu f’ħidma iktar speċjalizzata. Eżempju tipiku hi l-għassa tal-Ħamrun – waħda mill-ikbar f’Malta – li minn 80 niżlet għal 30 minħabba t-transfers li saru. Issa, l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit hu tal-fehma opposta tal-predeċessur tiegħu dwar l-għases.

Problema oħra li qed jiffaċċja l-Aġent Kummissarju hi li l-flus allokati għall-overtime għal din is-sena diġa’ intefqu. Is-sorsi qalulna li dan diġa’ qed jaffetwa il-preżenza tal-pulizija f’Paceville hekk kif il-pulizija extra qed ikunu preżenti is-Sibtijiet u mhux iktar nhar ta’ Erbgħa, Ġimgha u Ħadd.

manwel mallia ray zammit

 

Il-Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit maġenb il-Ministru responsabbli mill-Pulizija Manwel Mallia

Il-problema ta’ fondi qed twassal ukoll biex pulizija mhux qed jingħataw tibdil għall-uniformijiet li jispiċċaw bl-użu jew jitqattgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiet. Dan l-istazzjon jaf b’każ partikolari li fih pulizija mara qalulha li ma fadalx qliezet tan-nisa u se jkollhom jagħtuha qalziet ta’ raġel.