Internazzjonali

Akkużi li r-Russja trid teqred l-Ukrajna

Il-Prim Ministru Ukren, Arseniy Yatsenyuk, akkuża lir-Russja talli qed taħseb biex telimina pajjiżu filwaqt li ’tistimola mill-ġdid’ lill-Unjoni Sovjetika, li kienet ikkrollat fl-1991. Yatsenyuk għamilha ċara wkoll li l-Ukrajna għadha għaddejja minn fażi ta’ gwerra u irrefera għar-Russja bħala aggressur ewlieni.

L-Ukrajna u l-pajjiżi tal-Punent qed jakkużaw lir-Russja talli qed tindaħal direttament fil-konflitt li ilu għaddej ix-xhur fl-artijiet Ukreni tal-Lvant. Dan meta qed jingħad li Moska bagħtet il-militar u l-armamenti bħala appoġġ lill-gruppi tas-separatisti li jridu jwaqqfu pajjiż indipendenti fir-reġjuni tal-Ukrajna.

Ir-rapporti, ilbieraħ, irreferew għal sparar fit-tul fl-inħawi qrib l-ajruport ta’ Donetsk li għadu f’idejn il-qawwiet tal-Gvern li ilhom minn Ġunju jirreżistu lir-ribelli separatisti.

L-indikazzjonijiet huma li l-aggressuri użaw l-artillerija u r-rocket launchers, bl-isparaturi jitqiesu bħala l-akbar theddida, s’issa, għall-ftehim għal waqfien mill-ġlied fra;li fl-Ukrajna tal-Lvant li ilu jżomm mill-5 ta’ Settembru.

Intant, Yatsenyuk tenna li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, għandu l-iskop li jieħu lill-Ukrajna sħiħa taħt il-kontroll tiegħu u meta ‘hi biss l-Alleanza tan-NATO’ li tista’ tipproteġi pajjiżu. Il-kummenti tiegħu ingħataw prominenza wara li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet ġodda fuq ir-Russja b’konnessjoni mal-a;ir ta’ Moska f’din il-kriżi. Intant, ir-Russja wiegħdet li se tirritalja għal dawn is-sanzjonijiet.

Fi żviluppi oħra, uffi/jali tad-dwana Russi qalu li konvoj tal-għajnuna qasam mir-Russja lejn l-Ukrajna tal-Lvant u mistenni li dan se jqajjem tensjoni ġdida. Matul ix-xahar li għadda kien seħħ inċident simili fejn konvoj ieħor tar-Russi daħal mingħajr permess fl-Ukrajna, fost il-kundanna tal-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea.