Sport

Di Maria jirrispondi lil Florentino Perez

Angel Di Maria attakka l-kummenti li għamel il-President Florentino Perez li t-tluq tiegħu minn mal-klabb Spanjol kien mgħaġġel minħabba t-talba ta’ ħlas esaġerat mill-plejer.

Perez kien kritikat mill-media Spanjola talli ħalla lill-internazzjonali Arġentin isieħeb lil Manchester United fil-Premier League għal somma rekord fl-Ingilterra ta’ £59.7 miljuni.

Perez qal li ħa d-deċiżjoni għaliex ma setax jintlaħaq ftehim ma’ Di Maria li qal li ried jitħallas daqs Cristiano Ronaldo.

Madankollu Di Maria nsista li dan ma kienx il-każ u qal li ngħaqad ma’ United għaliex kien jemmen li Real kienu ħerqana li jbiegħuh.

“Smajt dak li qal Perez. Biex naqla’ daqs Ronaldo rrid l-ewwel nirbaħ il-Ballun tad-Deheb. Qatt ma ridt nitlaq lil Real Madrid u dan jafuh. Matul it-Tazza tad-Dinja ħsibt biss fuq it-Tazza tad-Dinja u ma nafx minn fejn ġew l-istejjer fil-ġurnali Spanjoli li ridt nitlaq. Jgħidu x’jgħidu daħħlu 75 ewro għalija li hi somma tajba għall-ekonomija tal-klabb. Ħadu lura dak li ħallsu. Ħadd ma qalli xejn biex nibqa’ u qabel it-Tazza tad-Dinja ma kienx hemm offerta minn Real Madrid.”

Di Maria qal ukoll li njora talba mingħand Real biex ma jilgħabx fil-final tat-Tazza tad-Dinja għalkemm minħabba injury mbagħad xorta waħda ma lgħabx.

“Irċevejt ittra meta kont qed nieħu l-kura biex forsi nilgħab fil-finali u kont naf li jekk nilgħab kelli 90% ċans li nweġġa’. Meta rċevejt l-ittra qattajtha. Ma kellimt lil ħadd mill-klabb għax ma kienx jimpurtanti. Eventwalment il-kowċ Sabella ħa deċiżjoni għall-ġid tiegħi,” qal Di Maria.