IL-ĠURI TA’ PISTORIUS: Il-familja ta’ Reeva Steenkamp esprimew id-diżappunt wara li l-atleta Oscar Pistorius inħeles mill-akkuża ta’ qtil premeditat fil-konfront ta’ binthom. Sena ilu Pistorius qatel lit-tfajla tiegħu Reeva Steenkamp f’Jum San Valentinu u minn naħa tiegħu dejjem sostna li hu għamel hekk għax ħasibha ħalliel li daħal fid-dar tiegħu.
Minkejja li l-prosekuzzjoni kienet qed takużah bi qtil premeditat wara li dawn it-tnejn kellhom argument, l-Imħalef Thokozile Masipa ma sabitx lil Pistorius ħati ta’ qtil premeditat u b’hekk l-atleta mil-Afrika t’Isfel ma jistax jintbagħat għomru l-ħabs.
Filwaqt li ma instabx ħati ta’ qtil premeditat, Masipa, fil-verdett tagħha qalet li Pistorius hu ħati ta’ qtil b’negliġenza u issa fit-13 ta’ Ottubru Pistorius se jkun jaf kemm se jiskonta snin il-ħabs għal dan ir-reat. Hu jista’ jeħel sa massimu ta’ 15-il sena ħabs bl-akbar probabbiltà tkun dik li jeħel bejn seba’ u 10 snin.
F’kummenti li tat June Steenkamp, omm Reeva din qalet, “Ma nistax nifhem. It-tifla tiegħi mietet mewta kera u batiet ħafna. Ma naqbilx mad-deċiżjoni ta’ Masipa u ma nistax nemmen li wara dan iż-żmien kollu fejn taw xhieda ħafna nies il-Qorti qed temmen li Pistorius spara bi żball.
Din id-deċiżjoni tkompli tweġġa’ l-familja tagħna, għalkemm anke li kieku intbagħat għomru l-ħabs it-tifla tagħna xorta waħda qatt m’hu se nerġgħu narawwha.”
Dwar il-verdett ta’ Masipa tkellmet ukoll Belinda Zeelie, waħda mill-akbar ħbieb ta’ Reeva. “Jgħidu x’jgħidu jien qatt ma nista’ nħares lejn Pistorius bil-mod li kont inħares lejh fil-passat. L-ebda ammont ta’ biki u reċtar minn naħa tiegħu m’hu se jibdilli fehemti dwaru,” qalet Zeelie.
Samantha Taylor, tfajla ta’ 20 sena li fil-passat kellha relazzjoni ma’ Pistorius qalet, “Meta jirrabbja Oscar bilkemm ikun jiflaħ jitkellem. Jien kont naf li hu dilettant tal-armi tan-nar u kemm-il darba ħbejtlu l-pistoli għax kont nibża’ li xi darba jisparali waqt xi argument. Mhux l-ewwel darba li konna niġġieldu u kien isakkarni d-dar sakemm hu joħroġ biex jikkalma. Minn dejjem kien bniedem perikoluż,” qalet Taylor.
Ħafna kienu sospriżi bil-verdett ta’ Masipa, speċjalment wara li hi stess qalet li l-verżjoni ta’ Pistorius ma kinitx waħda li tagħmel ħafna sens u li kemm -il darba kien inkonsisteni f’dak li qal. Madankolu, biex tiġustifika d-deċiżjoni tagħha qalet ukoll li jekk xhieda ma jkunx daqstant kredibbli ma jfissirx li hu ħati.
Skont Masipa l-prosekuzzjoni ma ipprovdietx evidenza biżżejjed biex turi li l-qtil ta’ Pistorius kien wieħed premeditat. Masipa qalet li l-messaġġi li kien hemm fil-mobile ta’ Pistorius kienu messaġġi normali li jinbagħatu bejn kull koppja li tkun għaddejja minn mument diffiċli. Hu stramb ħafna l-fatt li Masipa stess qatt ma talbet lis-seftur tad-dar, li kien rieqed isfel biex jagħti l-verżjoni tiegħu ta’ x’ġara dakinhar.
L-istess Masipa qalet fil-Qorti li Pistorius, seta’, jekk kien beżgħan, isejjaħ lis-seftur tiegħu imma dan qatt ma għamel hekk u qabad u spara bl-arma tan-nar li kellu ħdejn is-sodda tiegħu.
Waqt il-verdett tagħha Masipa qalet ukoll li l-fatt li Pistorius kien diżabilitat ma jiġġustifikax il-fatt li dan ħassu aktar vulnerabbli minn persuna li m’hijiex diżabilitatà. “Ħafna nisa u tfal żgħar kienu jħossuhom fl-istess sitwazzjoni ta’ Pistorius li kieku semgħu ħoss bil-lejl. M’huwiex raġonevoli li jaqbdu arma tan-nar u jibdew jisparaw biha.” qalet Masipa.
Li kieku wieħed qed jaqra dan kollu u dak li qalet Masipa waqt li tat il-verdett bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa u ma jafx id-deċiżjoni tagħha kien jilgħab il-flus li Pistorius weħel għomru l-ħabs. Madankollu Pistorius ma instabx ħati u ta min jiftakar li minbarra l-każ ta’ Steenkamp dan inħeles minn żewġ akkuġi oħra. Hu ma instabx ħati li spara arma tan-nar f’ristorant u lanqas hu ħati ta’ pussess illegali ta’ munizzjon.
//= $special ?>