AĠĠORNATA
Il-Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-Forzi Armati ta’ Malta fl-aħħar sigħat ħadem biex ġew salvati tlett persuni oħra filwaqt li għaddejjin b’ħidma biex jinġieb lejn Malta kadavru ieħor fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu.
It-tlett persuni li ġew salvati mistennija jiddaħħlu Malta permezz ta’ vapur tal-merkanzija.
Il-persuni li ġew salvati aktar kmieni ġew evakwati lejn Kreta.
L-operazzjoni li qed jikkordina ċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-Forzi Armati ta’ Malta għada għaddejja.
Aktar kmieni…
8:47 Il-Forzi Armati ta’ Malta dal-lejl salvaw disa’ persuni mill-baħar, fosthom żewġt’itfal, madwar 300 mil fix-Xlokk ta’ Malta. Mill-baħar ittella’ wkoll katavru li mistenni jinġieb lejn Malta.
L-operazzjoni ta’ tiftix u salvataġġ bdiet wara li l-vapur tal-merkanzija AMS Pegasus irraporta li salva żewġ persuni mill-baħar u li wara li ttellgħu abbord saħqu li kienu parti minn grupp ta’ tletin abbord bastiment li kien għereq.
Malli daħal dan ir-rapport, il-Forzi Armati Maltin talbu lil bastimenti oħra fil-qrib biex jassistu fit-tiftix tal-kumplament tal-persuni mitlufa filwaqt li ntbagħat ajruplan tal-AFM. Fiż-żon waslu wkoll tliet ajruplani oħra tal-Coastguard Taljana b’wieħed minn dawn jillokalizza iktar persuni.
Il-persuni salvati ttieħdu lejn l-eqreb port sigur, il-Greċja, biex ingħataw assistenza medika urġenti. Fil-baħar intlemħu wkoll numru ta’ katavri oħra.
L-operazzjoni kienet sospiża matul il-lejl minħabba viżibilita’ ħażina, bit-tiftix mistenni jkompli dalgħodu.
//= $special ?>