Il-Papa Franġisku, ilbieraħ, qal li s-sensiela ta’ konflitti li żbruffaw madwar id-dinja, jammontaw, effettivament, ‘għal Tielet Gwerra Dinjija maqsuma f’diversi fażijiet separati u f’inħawi differenti’. Intant, hu anki sostna li ‘f’dawn iċ-ċirkostanzi, l-umanita teħtieġ li tibki u dan huwa ż-żmien xieraq li jagħmlu hekk’.
Il-Kap tal-Kattoliċi qal dan waqt żjara li kien qed jagħmel f’Redipuglia u fejn hu iċċelebra l-quddies għal eluf ta’ nies miġburin fl-inħawi tal-akbar monument tal-gwerra li hemm l-Italja.
F’dan il-monument hemm midfuna ‘l fuq minn mitt elf suldat li tilfu ħajjithom matul l-Ewwel Gwerra Dinjija u l-Papa uża l-okkażjoni biex (anki) jikkundanna l-kummerċ tal-armi u ‘kulmin hu involut f’kumplotti għal terroriżmu li qed jiżirgħu l-mewt u l-qerda’.
Meta tkellem waqt l-omelija f’dawn l-inħawi, il-Papa fisser il-gwerra bħala ‘ġennata’ u sostna li minkejja li l-aħħar Gwerra Dinjija ma laħqitx l-iskop, ‘wieħed, forsi, jista’ jitkellem dwar ‘Tielet Gwerra Dinjija’ li għaddejja fil-preżent u li qed tinqasam f’kapitli separati li jinvolvu spinta ta’ delitti, qerda u massakri’.
Hu kompla li l-gwerra ma fihiex raġuni u tiżviluppa aktar mill-qerda kontinwa. ‘L-egoiżmu, l-intolleranza u l-kilba għall-poter huma kollha skopijiet wara d-deċiżjonijiet għall-gwerra u meta dan l-aġir ta’ spiss hu iġġustifikat minn xi ideoloġija’, qal il-Papa.
Fl-aħħar xhur il-Papa Franġisku appella kemm il-darba biex jispiċċaw il-konflitti attwali fl-Ukrajna, l-Iraq, is-Sirja, Gaza u r-reġjuni tal-Afrika.
Intant, il-Papa, waqt din iż-żjara, mar jitlob ukoll f’ċimiterju ieħor separat għal xi ħmistax il-elf suldat mill-ħames pajjiżi li kienu jiffurmaw l-eks imperu Awstrijak-Ungeriż u li fl-Ewwel Gwerra kienu spiċċaw fuq in-naħa telliefa.
//= $special ?>