Internazzjonali

Jiem intensivi sakemm l-Iskozja tiddeċiedi l-futur tagħha

Il-kampanja għall-futur tal-Iskozja riesqa lejn il-konklużjoni, u fost indikazzjonijiet li s-sostenituri li jridu li r-Renju Unit ikompli kif inhu għadhom igawdu vantaġġ minimu fuq ir-rivali li jridu pajjiż tal-Iskozja indipendenti.

Skont l-aħħar stħarriġ għall-gazzetta The Guardian, il-kamp li jopponi l-indipendenza tal-Iskozja qed igawdi appoġġ ta’ 51 fil-mija kontra d-49 fil-mija għall-attivisti li jridu li l-pajjiż jiffaċċja l-futur ‘il hinn mill-kumplament tar-Renju Unit.

Madankollu, kollox jista’ jinbidel fil-jiem li ġejjin u sakemm l-Iskoċċiżi jivvutaw fir-referendum storiku ta’ nhar il-Ħamis li ġej.

Il-mexxejja tal-kampanja favur l-indipendenza, li hi magħrufa bħala Yes Scotland, qalu li bħalissa, fl-Iskozja, hemm aktar minn 35,000 voluntier inkarigati minn mijiet ta’ stalls fit-toroq tal-ibliet u fejn qed jipperswadu lin-nies biex jivvutaw għall-indipendenza.

Intant, tidher li ħraxet tilwima dwar l-indħil tal-kapijiet tal-banek u l-entitajiet kummerċjali fil-kampanji ta’ qabel ir-referendum.

Dan waqt li l-Ministru Ewlieni tal-Iskozja, Alex Salmond, qal li l-Iskoċċiżi m’humiex se jkunu suġġetti għall-‘bullying’ min-naħa ta’ Londra inkella mill-kumpanniji taż-żejt u l-intrapriżi kbar kummerċjali li ma jridux li r-Renju Unit jinfired.

Salmond hu sostenitur ewlieni għall-kampanja ‘Iva favur Skozja indipendenti’ u l-Viċi-Ministru tiegħu, Nicola Sturgeon qalet li l-kampanja qed tissaħħaħ mill-fatt li l-Iskoċċiżi qed iżidu l-fiduċja fil-potenzjal tagħhom ‘ladarba huma jiksbu l-indipendenza’.

Madankollu, David Folkerts-Landau, li hu l-ekonomista ewlieni ma’ Deutsche Bank, qal li l-votanti u l-politiċi involuti fil-kampanja Skoċċiża m’humiex jirnexxilhom jifhmu l-konsegwenzi negattivi li jista’ jħalli vot għal Skozja indipendenti.