Lokali

KUMMENTI: Il-PN b’bidliet li se jsarrfu f’politika imfassla min-nies

Fl-aħħar sena u nofs il-Partit Nazzjonalista wettaq bidliet fl-istrutturi tiegħu bil-għan li jġedded il-proċess tat-tfassil tal-politika tiegħu.

Tkellmet dwar dan il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Ann Fenech waqt il-programm il-Fatti Kollha fuq Radio 101 li tmexxa minn Alessia Psaila Zammit.

Ann Fenech spjegat li l-politika tal-Partit Nazzjonalista qed titfassal fi proċess li jinvolvi strutturi differenti. Il-proċess jibda bil-proposti tal-fergħat tal-partit, jkompli fil-‘policy fora’ li twaqqfu fl-aħħar ġimgħat imbgħad jgħaddu għad-diskussjoni u deċiżjoni finali tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Ann Fenech spjegat li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li dejjem irrispetta d-demokrazija kuntrarju għall-Gvern Laburista li qed inaffar d-demokrazija anke permezz tal-proposta tal-Prim Ministru li jikkanċella l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Il-President tal-Eżekuttiv temmet l-intervista b’appell għall-pubbliku dwar il-Festi tal-Indipendenza.

Il-Festi tal-Indipendenza se jkunu organizzati fuq il-fosos tal-Furjana bejn nhar it-Tlieta 16 u l-Ġimgħa 19 ta’ Settembru.

Isma’ l-kummenti tal-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech fil-filmat t’hawn fuq