Internazzjonali

Sforzi ddisprati kontra l-għargħar fil-Pakistan

L-ispeċjalisti militari fil-Pakistan splodew numru ta’ digi fiċ-ċentru tal-pajjiż, bl-iskop li jmexxu l-gliegel tal-għargħar ‘il hinn miz-zoni residenzjali.

L-għargħar fil-Pakistan laħaq livelli storiċi u fejn sallum qatel il-mijiet tar-residenti fl-artijiet ta’ Kashmir. L-aħħar rapporti qalu li ‘l fuq minn żewġ miljun persuna għadhom qed ibatu l-effetti tal-għargħar fiz-zoni ta’ Kashmir, fl-agħar sitwazzjoni ta’ dan it-tip għal mitt sena. Hu minnu wkoll li ħafna nies ilhom il-ġranet sħaħ iżolati fuq il-bjut tad-djar tagħhom u fejn huma ċċirkondati minn medda ta’ ilma li ma taqta’ xejn.

L-awtoritajiet qed jużaw il-helicopters u d-dgħajjes biex jevakwaw uħud minn dawn in-nies, u bl-esperti jiddeċiedu li jtajjru d-digi li hemm fix-Xmara ta’ Chenab biex inaqqsu mill-pressjoni tal-ilma fuq ir-reġjuni fejn jgħixu l-eluf tal-familji.

Dan meta l-militar tal-Pakistan qed jibgħat l-ajruplani u l-helicopters biex iwasslu l-ikel lin-nies fid-distretti ta’ Muzzaffargarh, Multan u Jhang, fejn l-iskwadri mediċi tal-Armata qegħdin jitrattaw il-midruba.

Intant, l-Armata fiz-zoni ta’ Kashmir li huma kkontrollati mill-Indja evakwaw mal-mija u ħamsin elf ruħ li djarhom spiċċaw mgħarrqin. Is-suldati u l-inġiniera tal-Armata qed jaħdmu wkoll biex l-aċċess ikompli mit-triq prinċipali bejn Jammu u Srinagar u li tgħaqqad it-territorju ‘Indjan’ ta’ Kashmir mal-kumplament tal-Indja.