Lokali

FILMAT : Il-PN kien fost l-ewwel entitajiet li ħabbar li ma’ kienx se jopponi lil Karmenu Vella

Fl-istess jum li tħabbret l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, jiġifieri nhar l-Erbgħa li għadda, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil ħabbar ukoll li minkejja li ma saritx konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni, l-Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista se jkunu qed jivvotaw favur in-nomina ta’ Karmenu Vella bħala Kummissarju Ewropew.

Din il-konferma tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista saret waqt l-intervista tal-Avukat Frank Psaila fil-programm Iswed fuq l-Abjad li jixxandar propju nhar ta’ Erbgħa fuq NET Television.

Nhar il-Erbgħa stess tħabbar li Karmenu Vella ġie propost għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, is-Sajd u l-Affarijiet Marittimi.

Dan kien sar magħruf f’konferenza tal-aħbarijiet mogħtija mill-President il-ġdid tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker, li preżenta l-lista sħiħa tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista kien fost l-ewwel entitajiet li ħabbar li ma kienx se jopponi in-nomina ta’ Karmenu Vella bħala Kummissarju Ewropew. Fil-fatt Simon Busuttil kien ċar fi kliemu u ħabbar li l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti se jkunu qed jivvotaw favur in-nomina ta’ Karmenu Vella bħala Kummissarju Ewropew. Dan minkejja li fuq din il-materja il-Gvern ma għamel l-ebda konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni.