Fost id-daqq u l-ħsejjes tal-ħornijiet, eluf ta’ ċiklisti u muturi waslu Ħaż-Żabbar, fi tmiem pellegrinaġġ bl-inkwadru tal-Madonna tal-Grazzja, il-Patruna taċ-Ċiklisti.
Il-pellegrinaġġ isir kull sena, f’tradizzjoni li tmur lura għall-1951. Din is-sena l-interess ma naqas xejn, b’eluf li pparteċipaw bil-muturi u r-roti tagħhom.
U ma tagħmilx differenza jekk il-parteċipanti humiex mir-raħal ta’ Ħaż-Żabbar jew le, għaliex il-pellegrinaġġ ra taħlita sabieħa ta’ parteċipanti.
F’messaġġ lil dawk kollha preżenti fi tmiem il-pellegrinaġġ, il-Kappillan Dun Bastjan Caruana qal li l-ħajja hija pellegrinaġġ innifisha – mimlija tlajja u inżul.
L-avveniment annwali li sar dalgħodu bħala parti mill-festa tal-Madonna tal-Grazzja ċċelebrata f’Ħaż-Żabbar inżerta kien fost l-aħħar avvenimenti għall-Kappillan, hekk kif dan is-sit jinsab nfurmat li mill-jiem li ġejjin se jkun qed iservi bħala Rettur tas-Seminarju.
Fi tmiem il-pellegrinaġġ, il-Kappillan bierek ir-roti u l-muturi.
L-avveniment isir kull sena fost sforzi mill-awtoritajiet biex jinżamm il-kontroll fit-toroq arterjali minn fejn jgħaddu dawn l-eluf ta’ roti u muturi.
//= $special ?>