L-għażla ta’ Karmenu Vella li jkun il-Kummissarju Ewropew il-ġdid għal Malta fil-Kummissjoni Ewropea kienet fost l-affarijiet li dwarhom, il-Prim Ministru u l-Mexxej Laburista Joseph Muscat tkellem waqt attivita’ politika fil-każin Laburista f’Raħal Ġdid.
Matul l-attivita’, Joseph Muscat prova jitfa’ d-dubju dwar jekk il-Partit Nazzjonalista hux se jappoġġja lil Karmenu Vella fil-Parlament Ewropew. Dan minkejja stqarrija pubblika li saret mill-Partit Nazzjonalista li se jkun qed jappoġġja lil Karmenu Vella. Minflok, Muscat għażel li jiżra’ d-dubju billi jgħid li l-poplu għandu jiġġudika jekk ikun hemm min imur ifesfes fil-widnejn.
L-attivita’ politika tal-Ħadd filgħodu ma kinietx mistennija minn kulħadd, hekk kif is-sajf għadu ma ntemmx, bil-prassi tkun li matul ix-xhur tas-sajf, il-Partiti jieħdu pawża mill-attivitajiet politiċi – madanakollu, il-Partit Laburista għażel li jżomm l-attivita’. Dan filwaqt li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jinsisti li raġuni għalfejn għandhom ikunu kkanċellati l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali hija peres li l-poplu għejja.
Joseph Muscat tkellem ukoll dwar il-qgħad u qal li l-livell tal-qgħad bhalissa jinsab fl-inqas livell li qatt kien fl-istorja tal-istatistika Maltija.
Dwar il-festi nazzjonali u ċ-ċelebrazzjonijiet li mistennija jsiru fl-okkazjoni tal-ħamsin sena anniversarju mill-Indipendenza ta’ Malta, il-Prim Ministru qal li l-festi nazzjonali huma festi ta’ poplu wieħed u l-Perit Dom Mintoff se jkun rikonoxxut bl-istess mod li kien rikonoxxut Guido de Marco fl-aħħar jiem.
Intant, fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista b’reazzjoni għad-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat waqt l-attivita’ politika ta’ dalgħodu, intqal li l-Partit Nazzjonalista, kif diġa’ esprima f’stqarrijiet oħra, se jkun qed jappoġġja n-nomina ta’ Karmenu Vella għal Kummissarju Ewropew.
L-istqarrija tgħid li l-Partit Nazzjonalista jinsab sorpriż li minflok ma laqa’ din id-dikjarazzjoni, dalgħodu, Muscat, għażel li jiżra’ d-dubju dwar jekk il-Partit Nazzjonalista hux se jkun qed jappoġġja n-nominazzjoni ta’ Karmenu Vella.
L-istqarrija tgħid ukoll li mill-kliem, il-Prim Ministru għandu jmur għall-fatti u jikseb l-unita’ nazzjonali li qed jappella għaliha billi mhux biss jirrevoka d-deċiżjoni li ha li jikkanċella l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, iżda jirrevoka wkoll it-transfers diskriminatorji li saru fl-aħħar xhur u jagħti wkoll lura lill-poplu l-propjeta’ pubblika li matul is-snin il-Partit Laburista ħataf.
//= $special ?>