Internazzjonali

Partit f’Wales jgħati sapport lill-indipendenza tal-Iskozja

Hekk kif id-dibattitu fl-Iskozja dwar l-indipendenza jkompli jiħrax aktar ma’ toqrob il-ġurnata li fih il-poplu ser jivvota f’referendum parti oħra mir-Renju Unit qegħda hi wkoll tara dibattitu jibda jqum.

“Iva fl-Iskozja ser ikollu impatt f’Wales. Din hija opportunita tad-deheb sabiex niksbu aktar poteri minn Londra” saħqet Leanne Wood, il-kap tal-Partit Plaid Cymru. Plaid Cymru qiegħed b’mod jiftaħ jislef l-appoġġ tiegħu lill-isforzi tal-partit SNP ta’ Alex Salmond li qiegħed imexxi l-kampanja favur l-indipendenza. Fil-belt prinċipali ta’ Wales, Cardiff, saħansitra saret protesta żgħira favur l-indipendenza tal-Iskozja.

Iżda mhux kullħadd f’Wales huwa konvint li ż-żewġ każijiet huma simili. Bosta nies saħqu li filwaqt li l-Iskozja għandha ż-żejt, f’Wales m’hemmx riżorsi u għalhekk l-indipendenza hija impossibli biex tinkiseb.