Futbol Sport

Punt kull wieħed għal Tarxien u Żebbuġ

Żebbuġ Rangers u Tarxien Rainbows skorjaw tliet gowls kull wieħed f’partita ħajja ħafna iktar milli kien mistenni.

Għal Tarxien, meta wieħed jikkunsidra t-tibdil qawwi li għamlu fl-iskwadra fis-sajf, jista’ jitqies bħala riżultat diżappuntanti hekk kif s’issa ma rnexxielhom jiksbu rebħa wara erba’ logħbiet, li tnejn minnhom kienu kontra ż-żewġ timijiet promossi.

Fuq in-naħa l-oħra, Żebbuġ taw messaġġ li kapaċi wkoll ilaħħqu mat-timijiet tal-Premier, fejn fl-ebda ħin ma ċedew l-armi. Fit-tieni taqsima, ir-Rangers kienu ferm avventurużi u żgur li l-punt li ħadu mhux misruq. Għalihom iddebutta Bojan Mamic li l-aħħar li rajnieh jilgħab Malta kien bil-flokk ta’ Mqabba fil-kampjonat Premier 2011-12.

Tarxien ħadu ftit iktar minn minuta biex skorjaw meta Triston Caruana qassam lejn WESLEY PIPICO li mill-viċin għeleb lil Farrugia.

Fil-25 minuta Tarxien żiedu ieħor meta Pipico għadda tajjeb lejn BRANQUINHO li kien pront fajjar xutt fir-rokna leminija ta’ Farrugia għal vantaġġ doppju.

Żebbuġ altru milli rmew ix-xugaman kmieni u erba’ minuti wara reġgħu daħlu fil-partita meta minn kross tal-captain Mucchiardi, CARLO MONTI ma damx jaħsibha u b’first-timer naqqas id-differenza għal gowl wieħed.

Ħames minuti fit-tieni taqsima, Pipico u TRISTON CARUANA reġgħu wrew il-kompatibbilta ta’ bejniethom, pero` din id-darba kien tal-aħħar li kkonkluda wara Farrugia għal 3-1. B’hekk Caruana kompla jikkonferma ruħu bħala l-aħjar akkwist tar-Rainbows għal din is-sena.

Iż-Żebbuġin reġgħu ma tawx ruħhom b’mirbuħa u minuta wara, Bugeja waqqa’ lil Mucchiardi fil-kaxxa u konsegwentament l-Iskoċċiż CARLO MONTI skorja t-tieni gowl personali mill-penalty.

Żebbuġ baqgħu jagħfsu u rnexxielhom jiksbu d-draw kwarta wara meta l-ewwel ballun li miss is-sostitut Nwoba, li kien ilu ftit sekondi fil-pitch, kien wieħed kruċjali għax bena azzjoni personali max-xellug, ta lejn MAURICIO BRITTO li min-nofs il-kaxxa għeleb lil Cini għat-tielet gowl Żebbuġi u t-tielet gowl għalih f’dan il-kampjonat.

Tmiem il-partita sab liż-Żebbuġin sodisfatti bil-wirja u bir-riżultat b’kuntrast għad-diżappunt tat-Tarxieniżi li baqgħu bil-għatx għal rebħa.