Internazzjonali

Raġel ieħor maqtul mill-grupp IS : din id-darba Ingliż

Ragel ieħor inqatel mill-grupp Stat Islamiku. Filfatt, fis-sigħat li ghaddew feġġ filmat ta’ ostaġġ iehor miżmum mill-grupp Stat Islamiku, din id-darba Ingliż, li jidher jinqatel brutalment.

Il-filmat mhux biss juri l-qtil ta’ David Haines ta’ 44 sena li kien inqabad fis-Sirja fl-2013, iżda wkoll jinkludi theddida li jinqatel it-tieni ostaġġ Ingliż.

Il-qtil ta’ Haines qanqal reazzjoni immedjata mill-Prim Ministru Ingliż, li rritorna lura f’numru 10 f’Downing Street f’nofs ta’ lejl hekk kif feġġet din l-aħbar Hu ddeskriva l-qtil bħala att ta’ ħażen pur filwaqt li sahaq li l-Gvern Ingliż se jagħmel minn kollox biex jaqbad lil dawn il-qattiela u magħhom issir il-ġustizzja.

Għall-qtil ta’ David Haines irreaġixxiet ukoll l-Istati Uniti, bil-President Amerikan Barack Obama jisħaq li l-Amerika se tkompli taħdem mar-Renju Unit biex tinħoloq koalizzjoni ta’ nazzjonijiet biex jinqered il-grupp Stat Islamiku.