Is-Sibt Maltarightnow.com żvela l-aħbar li l-Pulizija qed tinvestiga każ ta’ allegat swat ta’ tarbija ta’ 11-il xahar mill-Ħamrun.
B’rabta ma’ dan il-każ illum il-Pulizija ressqet il-Qorti raġel ta’ 27 sena minn Ħaż-Żabbar li kien akkużat b’attentat ta’ qtil tat-tarbija. It-tarbija hija tas-sieħba tiegħu iżda hu mhuwiex missier it-tarbija. Ir-raġel kien mixli wkoll b’negliġenza fil-konfront taż-żewġ ulied l-oħra tas-sieħba tiegħu, li gideb taħt ġurament u b’pussess tad-droga kokaina u cannabis. Anke l-mara, li hija mwielda fir-Rumanija, ġiet mixlija b’pussess ta’ droga kokaina u cannabis.
Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Chris Pullicino qal li t-tarbija kellha tiġi operata u bħalissa tinsab tiġġieled għal ħajjitha fl-isptar.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest tar-raġel ġiet miċħuda.
Omm it-tarbija, mara ta’ 24 sena, mwielda r-Rumanija, tressqet quddiem il-Qorti b’akkuża ta’ moħqrija fuq it-tfal u li ppermettiet li ssir moħqrija fuq it-tfal u b’pussess tad-droga kokaina u cannabis. Il-mara, omm ta’ tlitt itfal, ingħatat ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €10,000 bil-kundizzjoni li ma tagħmilx kuntatt ma’ uliedha u mal-eks raġel li hu missier it-tfal.
Minn informazzjoni li wasslet għandna irriżulta li t-tarbija ddaħħlet fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei kmieni l-Ġimgħa filgħodu għall-ħabta tas-7.30 issofri minn numru ta’ ġrieħi. Hu mifhum li t-tarbija kienet qed issofri minn tbenġil f’ġenbejha kif ukoll xi daqqiet f’rasha.
Fil-fatt skont stqarrija tal-Pulizija it-tifla ġiet ċċertifikat li tinsab fil-periklu tal-mewt għalkemm issa tinsab f’qagħda stabbli.
Bħalma jiġri f’każi bħal dawn, fejn jista’ jkun hemm suspett li l-ġrieħi ma kienux riżultat ta’ aċċident, l-istaff mediku fl-Isptar jinforma lill-pulizija b’dak li jkun sab.
Maltarightnow.com is-Sibt kienet infurmata li l-Pulizija fil-fatt bagħtet għall-ġenituri tat-tarbija għal iktar stħarriġ.
L-ispetturi Chris Pullicino, Sylvana Briffa u Edel Mary Camilleri qegħdin imexxi l-prosekuzzjoni filwaqt li l-avukat Joseph Mizzi deher għall-akkużati.
//= $special ?>