Internazzjonali

Sitt snin xogħol iebes għal Amerikan fil-Korea ta’ Fuq

Fi proċess ġudizzjarju li dam inqas minn 90 minuta u li fih għadu mhux ċar b’xiex kien mixli l-akkużat, qorti tal-Korea ta’ Fuq bgħatet Amerikan sitt snin ta’ xogħol iebes ta’ hekk msejjħa ‘atti ostili’. Matthew Miller kien arrestat f’April meta wasal fl-istat kommunista bħala turist.

Skond il-prosekutur Miller kellu l-ambizzjoni li jmur il-ħabs sabiex jistudja s-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż. L-istess prosekutur wera numru ta’ dokumenti li allegatament kienu miktuba mill-Amerikan għalkemm analisti saħqu li huwa diffiċli wieħed jivverifika l-ġenwinita ta’ dawn id-dokumenti.

Dan huwa t-tielet każ riċenti ta’ Amerikan li sab ruħu f’ħabs tal-Korea ta’ Fuq bil-każ ta’ qabel ikun jinvolvi Amerikan li ħalla kopja tal-Bibja fil-lukanda fejn kien alloġat.