Il-Partit Nazzjonalista ħabbar 12-il kandidat li se jkunu qed jaħdmu biex fi żmien erba’ snin jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista.
It-12-il kandidat li l-Partit Nazzjonalista approva llejla huma: (mix-xellug għal-lemin) Fuq: Alan Abela Wadge, Simone Aquilina, Dounia Borg, Roselyn Borg, Charlene Camilleri Zarb u Charlot Cassar;
Isfel: Ryan Mercieca, Aaron Micallef, Angelo Micallef, Alessia Psaila Zammit, Graziella Schembri u Justin Schembri.
F’kummenti dwar dan il-pass ‘il quddiem, il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal li d-deċiżjoni tal-lum turi li l-PN jinsab għaddej minn proċess ta’ tiġdid u ta’ riġenerazzjoni. F’dan il-proċess, il-PN qed jinvolvi nies ġodda u għalkemm il-proċess għadu fil-bidu tiegħu, maż-żmien se jwassal għal Partit li jkun radikalment differenti, sostna Simon Bususttil.
Il-Kap tal-PN irringrazzja lill-kandidati l-ġodda talli aċċettaw l-istedina tal-Partit biex ikunu l-ewwel kandidati approvati għall-elezzjoni li jmiss. Mill-kandidati, nofs huma nisa u nofs huma rġiel, f’dik li hi l-ewwel darba li partit politiku ppreżenta grupp ta’ kandidati li jirrispetta b’mod sħiħ l-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-kandidati jirrappreżentaw ukoll firxa wiesgħa ta’ ħiliet u esperjenzi, kif ukoll ta’ oriġini etnika.
Il-kandidati ġew magħżula wara proċess intensiv ta’ intervisti u skrutinju li sar mill-Kummissjoni tal-Għażla tal-Kandidati tal-PN, immexxija mill-eks Kummissarju Ewropew Joe Borg. Din il-Kummissjoni se tkompli għaddejja bil-proċess ta’ intervisti li mistennija jwasslu biex jiġi approvat grupp ieħor ta’ kandidati għall-elezzjoni ġenerali fiż-żmien li ġej.
Agħfas hawn biex taqra informazzjoni dwar il-kandidati l-ġodda.
//= $special ?>