L-attriċi Amerikana Angelina Jolie, li hi wkoll il-Mibgħut Speċjali tal-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), ilbieraħ żaret numru ta’ faċilitajiet tal-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) li jintużaw għall-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ. Akkumpanjata mill-Kummissarju tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati Antonio Manuel de Oliveira Guterres, Jolie ddawwret mid-Deputat Kmandant tal-FAM, il-Kurunell Mark Mallia, u l-Uffiċjal responsabbli mill-Operazzjonijiet, il-Kurunell Spiteri.
Matul iż-żjara tagħhom, Jolie u Guterres appellaw biex aktar Stati Ewropej jgħinu fil-ħidmiet ta’ salvataġġ biex jitnaqqsu l-imwiet ta’ immigranti fl-ibħra. Huma kellhom ukoll iċ-ċans jiltaqgħu ma’ tliet persuni li ġew salvati mit-traġedja tal-Ġimgħa li għadda. Huma kienu salvati minn vapur kummerċjali u nġiebu f’pajjiżna.
Iż-żewġ mistiedna faħħru l-impenn tal-FAM għall-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-ġenerożità tal-ekwipaġġ, li f’dawn l-operazzjonijiet qed isibu ma’ wiċċhom sitwazzjonijiet drammatiċi meta jsalvaw lil dawn l-eluf mill-mewt fil-Baħar Mediterran. Filwaqt li appellaw mill-ġdid għal aktar solidarjetà minn pajjiżi oħrajn lejn Malta, sostnew li l-ħidma tal-FAM għandha tiġi rikonoxxuta aktar mill-komunità internazzjonali.
Sadanittant, dalgħodu l-Kummissarju tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati kellu wkoll laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja. Aktar tard hu mistenni jiltaqa’ wkoll mal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
//= $special ?>