Lokali Qorti

Diplomatika topponi ‘transfer’ li ngħatalha mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin

Il-mewġa ta’ transfers qed tkompli u ma taqta’ xejn, b’każ ieħor ifeġġ fil-Qorti, fejn Diplomatika gradwata fix-Xjenza Politika qed topponi bil-qawwa kollha t-trasferiment tagħha minn mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għal mal-kumpanija IPSL. Antoinette Cutajar kellha tasal sal-punt li tieħu l-każ tagħha fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili biex twaqqaf temporanjament it-trasferiment fuq ordni tal-Qorti. Issa jmiss lill-Imħallef Edwina Grima biex tiddeċiedi b’mod definittiv l-oppożizzjoni tagħha għal dan it-trasferiment.

Quddiem l-Imħallef Grima xehdu Leo Bonnici mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u Angele Azzopardi mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Bonnici semma’ kif Cutajar bdiet taħdem mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fuq bażi temporanja fl-1999 u kellha kuntratt definit sakemm fl-2008 dan inbidel għal wieħed indefinit, skont hu mingħajr konsultazzjoni mal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni Pubblika. Qal li din il-bidla mingħajr konsultazzjoni wasslet biex illum għandna dik li hu ddeskriva bħala “sitwazzjoni anomala”.

Min-naħa tagħha, Azzopardi qalet li Cutajar bdiet taħdem mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fl-1 ta’ Novembru 1999 bħala persuna ta’ fiduċja u fil-25 ta’ Novembru 2008 talbet li l-kuntratt definit jiġi mġedded, kif fil-fatt sar fl-1 ta’ Jannar 2009, meta l-kuntratt ġie mġedded b’sena oħra. Wara dawn iż-żewġ xhieda, saru s-sottomissjonijiet dwar il-każ mill-Avukat ta’ Cutajar, Karol Aquilina, u mill-Avukat Veronica Buttigieg mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li qed tirrappreżenta lill-Gvern u lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

L-Avukat Aquilina qal li għalkemm il-klijenta tiegħu kienet impjegata fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin bħala Konsulenta fuq bażi ta’ fiduċja, maż-żmien hi bdiet taqdi rwoli oħrajn li n-natura tax-xogħol tagħhom ma kienx ta’ persuna ta’ fiduċja. Sostna li kif wara li talbet biex il-kuntratt tagħha jkun imġedded, l-impjieg tagħha sar wieħed indefinit u għalhekk ma kienx hemm ħtieġa li tibqa’ tinsisti fuq it-tiġdid tal-kuntratt.

Aquilina kompla jgħid li l-mument li persuna tagħmel xogħol li mhux fuq bażi ta’ fiduċja, jagħmel il-kuntratt tagħha wieħed indefinit. Hu akkuża wkoll lill-Gvern li qed jiġi jaqa’ u jqum mil-Liġi u rrimarka li l-klijenta tiegħu tista’ titkeċċa mingħajr rimedju.

Min-naħa tagħha, l-Avukat Buttigieg sostniet li Cutajar għandha impjieg fuq bażi ta’ fiduċja. Semmiet li biex persuna tinħatar Uffiċjal Pubbliku trid tkun nominata mill-Prim Ministru fuq parir tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Qalet li impjieg ta’ Uffiċjal Pubbliku jinvolvi sejħa pubblika u intervista, iżda fil-każ ta’ Cutajar ma kienx hemm vakanza mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u għalhekk il-ħatra tagħha kienet ta’ persuna ta’ fiduċja.

Buttigieg saħqet li l-kuntratt ta’ Cutajar hu bbażat fuq il-fiduċja u għamlitha ċara li impjieg ta’ fiduċja mhux kuntratt indefinit u ladarba tispiċċa l-fiduċja ma jibqax bażi ta’ impjieg. Semmiet ukoll li l-Gvern offra li Cutajar tibqa’ tagħmel l-istess xogħol bl-istess paga u issa għandha ċ-ċans li tapplika għal promozzjonijiet, meta sal-lum għadha ma tistax.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, l-Imħallef Grima ddifferixxiet il-każ għas-sentenza, anke jekk ma tatx data meta din se tingħata.