Dil-ġimgħa, niċċelebraw kif jixraq il-kisba kbira li għamel il-Partit Nazzjonalista għal Malta – dik li tkun nazzjon sovran – u l-kisbiet l-oħrajn li l-Partit Nazzjonalista għamel għall-Maltin kollha u li gawdewhom u jgawduhom il-Maltin kollha.
Anniversarju sabiħ
Hemm ħafna raġunijiet għaliex niċċelebraw. Il-50 anniversarju hu sabiħ għax wara 50 sena xorta hemm nies biżżejjed li jiftakru l-ġrajja. Imma ilu biżżejjed biex iż-żmien jagħtina t-tifsira bażika tal-ġrajja u jurina l-kisbiet li għamilna bis-saħħa tagħha.
Kisbiet li niċċelebrawhom għax kienu diffiċli
Kisbiet diffiċli, għalhekk niċċelebrawhom. L-Indipendenza nnifisha nistgħu nifhmu kemm kienet diffiċli mqar minn dak li qed jiġri bħalissa fl-Iskozja fejn qegħdin bejn ħaltejn tant kemm jaraw l-indipendenza diffiċli anke hemmhekk. Kif rawha diffiċli anke dawk li ma qablux magħha f’Malta, u mhux fil-Partit Laburista biss.
Niċċelebraw id-difiża tal-21 ta’ Settembru
Niċċelebraw ukoll id-difiża ta’ dan il-jum. Għax il-21 ta’ Settembru kien imkasbar għal 16-il sena mill-Gvern Laburista li kien neħħieh imqar minn festa. Snin sħaħ li matulhom il-Partit Laburista kien jinsulta l-Indipendenza u li matulhom min kien jiċċelebra s-sovranità ta’ pajjiżu kien ilaqqat il-ġebel, id-daqqiet u l-gass tad-dmugħ.
Jum l-Indipendenza rebaħ fuq l-insulti u l-vjolenza
Il-fatt li Jum l-Indipendenza rebaħ fuq l-insulti u l-vjolenza juri kemm hu jum kbir. U għalhekk raġuni oħra għaċ-ċelebrazzjoni. Kif inhuma raġunijiet għaċ-ċelebrazzjoni l-kisbiet l-oħrajn li għamilna flimkien għax, l-ewwel nett, konna sovrani.
L-Indipendenza ta’ kull wieħed u waħda minna
Il-Partit Nazzjonalista dejjem fehem l-Indipendenza bħala bidu li kellu jwassal għall-indipendenza tal-Maltin – ta’ kull wieħed u waħda minna – li nkunu liberi nagħżlu fejn u x’nistudjaw, fejn naħdmu, x’nagħmlu bi flusna, fejn ninvestu, biex inkunu rajna f’idejna u mhux rajna f’idejn xi politikant li jippretendi li mmorru nittallbulu.
Niċċelebraw il-viżjoni tal-libertà
Dik hi l-viżjoni li tagħżel lill-Partit Nazzjonalista u li għandna tassew għax niċċelebrawha: il-libertà ta’ kull wieħed u waħda minna. Il-libertà li torbot flimkien ħafna mid-deċiżjonijiet importanti li għamlu gvernijiet Nazzjonalisti f’dal-50 sena.
Poter aktar f’idejn in-nies
Għax dik hi l-indipendenza vera: mhux biss li tieħu l-poter mingħand politikant barrani u tagħtih lil wieħed lokali, imma ferm aktar: li dak il-poter tkompli tgħaddih għand in-nies biex jagħmlu għażliet liberi, ikollhom l-indipendenza tal-ħsieb, jagħmlu l-għażliet ekonomiċi tagħhom, u f’ħafna oqsma oħrajn.
Ħafna raġunijiet biex niċċelebraw
Ħafna raġunijiet, għalhekk, biex dil-ġimgħa niċċelebraw.