Lokali

Filmat: Sewqan responsabbli biss seta’ jevita inċident minħabba traskuraġni minn xufier tal-linja

Sfortunatament, aħna l-Maltin ma tantx aħna magħrufin għas-sens ta’ dixxiplina u osservanza tar-regoli tat-toroq, b’kontravenzjonijiet li jvarjaw minn parking f’post ħażin sa manuvri tas-sewqan aktar perikolużi li jistgħu jipperikolaw is-saħħa u saħansitra l-ħajjiet tagħna stess u ta’ ħaddieħor.

Il-filmat ta’ hawn fuq juri każ ta’ kontravenzjoni minn karozza tal-linja li, fit-Telgħa tax-Xemxija, marret għal kollox fuq il-karreġġjata opposta hekk kif ippruvat taqbeż trakk li kien qed iġorr tagħbija ta’ planki u b’konsegwenza ta’ dan kien qed isuq bil-mod. Mhux ċar jekk il-karozza tal-linja kinitx eżatt wara t-trakk jew kinitx aktar lura u qabżet aktar vetturi fit-telgħa.

Mill-filmat, li nġibed minn camera armata fuq id-dashboard ta’ karozza li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta, jidher kif il-karozza kellha tieqaf għal kollox biex tgħaddi x-xarabank. Fortunatament, il-persuna li bagħat dan il-filmat kien qed isuq bil-mod għax li kieku kien qed isuq b’veloċità aktar qawwija, il-konsegwenzi kienu jkunu ferm agħar b’ħabta head-on.

Sewqan responsabbli hu d-dmir ta’ kull sewwieq, aktar u aktar għal sewwieqa fit-trasport pubbliku, li huma responsabbli għal għexieren ta’ nies li jkunu abbord il-vetturi tagħhom.