Lokali Saħħa

Fl-2015 se nerġa’ nitwieled mil-ġdid – Maria Cardona

Meta kien għad kellha biss 22 sena, Maria Cardona ħasset uġigħ qawwi u wara ħafna ġiri għand it-Tobba skopriet li kienet qed issofri minn trombosi fil-groin. “Minħabba din il-kundizzjoni kelli ħafna restrizzjonijiet”, spjegat Maria lill-ġurnal In-Nazzjon. “Ma stajtx nitla’ t-taraġ, ma stajtx ingawdi r-rota, ma stajtx insiefer jekk ma nieħux l-injezzjonijiet. Kienet xi ħaġa kontinwa li affettwatni, anke meta ġejt biex inwelled”, kompliet tirrakkonta Maria.

Imma wara li għaddiet minn din l-esperjenza kerha, f’perjodu li għal żgħażagħ oħrajn tal-istess età hu l-isbaħ żmien fil-ħajja, Maria rċeviet aħbar oħra kerha: li kienet qed issofri mill-kanċer tal-ġilda. “Biex inkun onesta, dak iż-żmien ma tantx fhimt minn xhiex kont għaddejja. Ġejt f’tiegħi meta t-Tabib dar lejja u qalli ‘Għandek kanċer. Marda li trid tikkuraha'”, tirrakkonta Maria, filwaqt li tkompli li kien hawn li ħadet xokk u damet qabel drat tgħix u tiġġieled biex tgħix.

Kienet taf li ma setgħetx taqta’ qalbha u ċċedi. Fortunatament għal Maria, iċ-ċelloli tal-melanoma tneħħew sakemm ftit wara saret taf li l-kanċer immanifesta ruħu f’ċesta oħra f’daharha, li wkoll ġiet ikkurata. Iżda għal Maria, dan ma kienx it-tmiem tal-vjaġġ ikrah. “Telgħetli felula oħra fil-parti ta’ fuq ta’ dahari. Kollox deher taħt kontroll u li ċ-ċelloli ma kienux kapaċi jinvadu tissue oħra fil-ġilda. Iżda wara li nsistejna, insistejna u nsistejna, it-tobba neħħewli din il-felula u skoprew li fil-fatt kelli t-tieni grad tal-melanoma”.

Maria Cardona tgħid li f’dan il-każ kienet fortunata. “Ftit ġimgħat oħra u l-kanċer kien jattakkali l-lymph nodes. Dan il-każ kien tal-biża’, issa din kienet xi ħaġa reali”. Imma wara li anke din it-trawma għaddiet, erba’ snin ilu Maria saret taf li qed issofri minn kanċer ieħor. “Sabuli kanċer fl-utru wkoll. Kien għad kelli biss 29 sena u kelli nagħmel il-hysterectomy, operazzjoni fejn tneħħieli l-utru”. Għal Maria, dan kien xokk għax dejjem kienet ix-xewqa tagħha u ta’ żewġha li jkollhom ukoll tifel minbarra ż-żewġt ibniet. “Ma kellux ikun”, tgħid b’dieqa Maria.

Għal Maria, familtha kienet kollox matul dan il-perjodu. Tgħid li fl-età tagħhom, għal żewġha din ma kinitx xi ħaġa faċli u forsi lanqas biss fehem kemm kienet xi ħaġa serja. Għamlu minn kollox biex forsi jsibu mod ieħor kif inisslu tarbija oħra, iżda kien kollu għalxejn. L-appell ta’ Maria hu wieħed biex it-tfajliet jagħmlu t-testijiet. “Li kieku ma mortx nagħmel l-ismear tests, ma kontx niskopri dak li qed insofri minnu u l-każ tiegħi kien ikun mod ieħor, ħafna agħar”.

Għal Maria, Frar 2015 se jkun xahar importanti, hekk kif wara ħames snin u jekk kollox jibqa’ għaddej tajjeb, it-Tobba mistennija jgħidulha li hi clear mill-kanċer tal-ġuf. “L-2015 għalija tfisser libertà. Se nerġa’ nitwieled mill-ġdid u nneħħi piż minn fuq moħħi u minn fuq il-familja tiegħi”, tkompli Maria b’għajnejha jixgħelu bil-kuntentizza. “Fl-aħħar mill-aħħar, illum sirt napprezza l-fortuna tiegħi. Ma nħarisx lejn xi ġrali fil-passat, iżda lejn in-naħa pożittiva ta’ ħajti”.