Ħadd m’għandu l-bakketta maġika biex iwaqqaf l-influss tal-immigrazzjoni u aktar ma l-politiċi jirrealizzaw dan malajr, aktar tista’ ssir il-ħidma biex l-influss tal-immigrazzjoni jkun immaniġġjat. Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refugjati Antonio Manuel de Oliveira Guterres.
Simon Busuttil qal li f’din il-kwistjoni, ma nistgħux nibqgħu naħsbu bħala pajjiżi individwali, iżda bħala Ewropa sħiħa billi tinħoloq sistema ta’ distribuzzjoni li ttaffi mill-piż li qed jiffaċċjaw pajjiżi li jinsabu fil-fruntiera. Filwaqt li ammetta li dan mhux faċli li jinkiseb, il-Kap tal-PN kompla li dan hu essenzjali biex ikunu salvati l-ħajjiet u b’mod dinjituż għall-pajjiżi.
Simon Busuttil semma’ wkoll kif meta kien Kordinatur tal-Partit Popolari Ewropew fil-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew ħadem mill-qrib fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni fuq livell Ewropew u għaldaqstant jaf mill-qrib ir-reżistenza ta’ numru ta’ pajjiżi biex ikun hemm distribuzzjoni xierqa tal-piż tal-immigrazzjoni. Tenna li l-UNHCR għandha influwenza kbira, filwaqt li appella lil Guterres biex iwassal il-messaġġ u d-diffikultajiet li qed tiffaċċja Malta.
Min-naħa tiegħu, Antonio Manuel de Oliveira Guterres qabel ma’ Simon Busuttil li hemm bżonn li l-kwistjoni tkun ta’ responsabbiltà Ewropea, iżda m’għandu ebda illużjoni dwar id-diffikultajiet biex jintlaħaq dan l-għan. Kompla li l-Istati Uniti ħadet aktar refuġjati minn Malta mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea f’daqqa u dan hu fatt li għandu jħammar wiċċ il-pajjiżi Ewropej. Qal li Malta ma tistax tibqa’ waħedha mingħajr għajnuna quddiem din l-isfida għax Malta hi verament każ speċjali minħabba ċ-ċokon tagħha.
Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refugjati rrefera wkoll għaż-żjara li għamel fil-Kwartieri tal-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta, flimkien mal-Mibgħut Speċjali tal-UNHCR Angelina Jolie, u tenna l-apprezzament għax-xogħol li qed jagħmlu l-Forzi Armati, li salvaw mijiet ta’ ħajjiet minn ħalq il-mewt. Sostna li s-sitwazzjoni tal-migrazzjoni fil-Mediterran tista’ tilħaq proporzjonijiet allarmanti jekk il-ġlied fis-Sirja jkompli jiggrava.
//= $special ?>