Il-preparamenti loġistiċi għall-attivitajiet li se jittellgħu fuq il-Fosos tal-Furjana fl-okkażjoni tal-50 sena mill-kisba tal-Indipendenza jinsabu fi stadju avvanzat ħafna. Dalgħodu, lejliet il-ftuħ tal-attivitajiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil żar il-Fosos akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said, mit-Teżorier Alex Perici Calascione, mid-Deputat Robert Cutajar u minn Charles Stroud.
Simon Busuttil qal li anke jekk mill-Oppożizzjoni, l-Indipendenza għandha tifsira kbira u jeħtieġ li l-PN jiċċelebraha b’dinjità. Il-Kap tal-PN kellu l-opportunità jiltaqa’ mal-ħaddiema fil-post u, filwaqt li segwa mill-qrib il-ħidma li kienet għaddejja, irringrazzjahom tal-impenn tagħhom. Fakkar kif il-PN ilu 50 sena jiċċelebra din il-Festa, anke jekk għal 16-il sena sħaħ kien hemm min għalih l-Indipendenza kienet biss ġurnata normali.
“Issa hemm min qed jgħid li dawn huma affarijiet bla sens u tal-passat”, qal Busuttil, filwaqt li sostna li hu tajjeb li naċċettaw li l-punt ta’ twelid tan-Nazzjon tagħna kienet l-Indipendenza. Il-Kap tal-PN appella lill-pubbliku biex jattendi bi ħġaru għall-attivitajiet li se jittellgħu fuq il-Fosos matul din il-ġimgħa.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said irringrazzja lill-Kumitat Organizzattiv, li ilu jaħdem qatigħ biex jittellgħu dawn l-attivitajiet. Sostna li mhux se jkun hemm attivitajiet politiċi u diskussjonijiet biss, iżda wkoll attivitajiet għat-tfal, għaż-żgħażagħ u għall-familja kollha.
Il-qofol tal-attivitajiet se jintlaħaq bil-Mass Meeting tal-Ġimgħa filgħaxija, li se jkun indirizzat mill-Kap tal-PN Simon Busuttil. Wara se jkun hemm kunċert mit-Tribute Band tal-grupp Queen.
//= $special ?>