Għadha f’qagħda kritika it-tarbija ta’ għaxar xhur li allegatament sofriet swat mis-sieħeb ta’ ommha l-Ġimgħa li għaddiet.
Kif żvela dan is-sit it-tifla ddaħħlet fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei kmieni l-Ġimgħa filgħodu issofri minn ġrieħi f’ġenbha, saqajha u rasha. In-natura tal-ġrieħi tant kienet gravi li t-tarbija kellha tiġi operata.
B’rabta ma’ dan il-każ il-Ħadd il-Pulizija ressqet il-Qorti raġel ta’ 27 sena minn Ħaż-Żabbar li kien akkużat b’attentat ta’ qtil tat-tarbija. It-tarbija hija tas-sieħba tiegħu iżda hu mhuwiex missier it-tarbija.
Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Chris Pullicino qal li t-tarbija kellha tiġi operata u bħalissa tinsab tiġġieled għal ħajjitha fl-isptar. Allegatament it-tarbija sofriet ġrieħi wara li r-raġel waddabha fis-sodda tagħha.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest tar-raġel ġiet miċħuda.
Omm it-tarbija, mara ta’ 24 sena imwielda fir-Rumanija u li tgħix il-Ħamrun, tressqet quddiem il-Qorti b’akkuża ta’ moħqrija fuq it-tfal u li ppermettiet li ssir din l-istess moħqrija. Il-mara, omm ta’ tlitt itfal, ingħatat ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €10,000 bil-kundizzjoni li ma tagħmilx kuntatt ma’ uliedha u mal-eks raġel li hu missier it-tfal.
//= $special ?>